Minn Cristian Muscat
Kien staġun li żgur se jibqa’ mnaqqax fil-memorja ta’ kull min għandu għal qalbu lil Zabbar St Patrick. Staġun mimli emozzjonijiet, tensjoni, sfidi kontinwi u mumenti li ttestjaw il-karattru tal-klabb minn kull aspett u anke sa ċertu punt il-qalb ta’ kull partitarju akkanit ta’ dan it-tim.
Iżda fl-aħħar mill-aħħar, il-klabb minn Ħaż-Żabbar reġa’ kiteb paġna oħra storika fil-futbol Malti meta żamm postu fil-Malta Premier wara rebħa drammatika ta’ 2-0 kontra Tarxien Rainbows fil-YoHealth Malta Premier Relegation Play-Off.
Wara l-partita, Dr Kevin Deguara, li serva bħala president tal-klabb tul dawn l-aħħar snin u sena ilu nħatar President Onorarju, tkellem b’emozzjoni kbira ma’ dan is-sit dwar il-vjaġġ diffiċli iżda memorabbli li għadda minnu l-klabb.
“Xi staġun ta’ taqtigħ il-qalb!,” beda jgħid Deguara. “Staġun li kien fih minn kollox! Kellna nagħmlu żewġ deciders biex insalvaw, u dan juri kemm kienet diffiċli s-sitwazzjoni. Kien hemm ħafna tlugħ u nżul, mumenti sbieħ u oħrajn diffiċli immens. Però, f’dawn il-mumenti kollha kien hemm ħaġa waħda li qatt ma nbidlet u din hija l-għaqda bejnietna.”
Hu sostna li l-forza vera ta’ Zabbar St Patrick dejjem kienet il-familja li nbniet tul is-snin.
“Il-klabb tagħna ilu magħruf għar-reżiljenza u għall-għaqda tiegħu. Fil-mumenti diffiċli, il-kumitat, il-plejers, l-istaff tekniku, il-partitarji u anke l-akkademja tagħna baqgħu magħqudin. Dik l-għaqda kienet is-saħħa tagħna. Meta tkun magħqud, tista’ tegħleb l-akbar sfidi.”
Fil-fatt, il-vjaġġ ta’ Zabbar matul dawn l-aħħar snin kien wieħed straordinarju. Taħt it-tmexxija ta’ Dr Deguara, il-klabb kiseb promozzjonijiet konsekuttivi mill-Amateur League sal-BOV Challenge League u finalment għamel ritorn storiku fil-Malta Premier wara assenza ta’ 20 sena mill-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti.
Iżda aktar minn hekk, il-klabb issa rnexxielu jżomm postu fil-Premier għal tieni staġun konsekuttiv u se jkun qed jilgħab it-tielet darba fl-ogħla diviżjoni, xi ħaġa li qatt ma kienet saret fl-istorja moderna tal-klabb.
“Dan huwa mument storiku,” qal Deguara b’ton kburi. “Qatt m’għamilna żewġ staġuni konsekuttivi fil-Premier Malti. Ktibna storja oħra. Mhux biss tlajna, imma rnexxielna nibqgħu hemmhekk minkejja d-diffikultajiet kollha.”
Ir-rebħa kontra Tarxien ma ġietx faċilment. Il-logħba kienet waħda mimlija tensjoni kbira, speċjalment wara li ftit jiem qabel, Tarxien kienu diġà għelbu lil Żabbar 3-2 wara l-ħin barrani f’deċiżiv ieħor. Għalhekk, il-konfront ta’ nhar il-Ħadd kien jitlob reazzjoni qawwija kemm mentalment kif ukoll fiżikament.
Id-90 minuta spiċċaw mingħajr gowls, u anke fl-ewwel taqsima tal-ħin barrani ż-żewġ timijiet baqgħu ma rnexxielhomx isibu x-xibka. Madankollu, fit-tieni taqsima tal-ħin barrani, Żabbar sabu l-enerġija u l-kuraġġ li jagħmlu d-differenza. Ayom Majok fetaħ l-iskor fil-108 minuta wara assist preċiż mix-xellug, filwaqt li Mario Fontanella ssiġilla r-rebħa b’penalty fil-117-il minuta.
“Dik kienet rebħa tal-karattru,” spjega Deguara. “Il-plejers taw kollox. Kien hemm għeja enormi, pressjoni kbira u anke biża’ li titlef dak kollu li bnejna. Però t-tim baqa’ jemmen sal-aħħar.”
Hu ma naqasx milli jirringrazzja lill-partitarji li baqgħu wara l-klabb matul l-istaġun kollu. “Is-segwaċi tagħna kienu inkredibbli. Anke meta l-affarijiet ma kinux sejrin tajjeb, baqgħu hemm. Fil-mumenti diffiċli huma tawna enerġija kbira.”
Aspett ieħor li Deguara semma b’sodisfazzjon kien il-fatt li l-klabb kompla jagħti spazju lil plejers żgħażagħ promettenti. “Aħna nemmnu ħafna fiż-żgħażagħ. Dan il-klabb dejjem ta ċans lil talenti ġodda u se nibqgħu nagħmlu hekk. Hemm futur sabiħ quddiemna. Dawn iż-żgħażagħ iridu ħin u paċenzja, iżda nemmen li fil-futur se naraw ħafna minnhom jispikkaw.”
Għalkemm Dr Deguara kien appuntat President Onorarju tal-klabb, hu għamilha ċara li se jibqa’ jaħdem qrib il-klabb flimkien mal-president attwali.
“Zabbar huwa parti minni,” qal bi tbissima. “ Se nibqa’ naħdem għall-ġid tal-klabb u nappoġġja lill-president attwali u lil kull min lest li jagħti sehmu. Irridu nibqgħu nħarsu ’l quddiem b’ottimiżmu.”
Huwa temm billi sostna li minkejja l-isfidi kollha, il-klabb issa għandu pedamenti b’saħħithom biex ikompli jikber. “Kull staġun jgħallmek xi ħaġa. Dan l-istaġun għallimna kemm hi importanti l-għaqda u kemm għandna nies li tassew iħobbu lil dan il-klabb.
Meta tara l-kumitat, il-plejers, l-istaff u l-partitarji kollha magħqudin wara għan wieħed, tifhem għaliex Zabbar St Patrick huwa klabb speċjali.”
U filwaqt li t-tensjoni tal-aħħar ġimgħat bdiet tonqos, f’Ħaż-Żabbar issa wasal iż-żmien taċ-ċelebrazzjoni. Għax wara staġun diffiċli u mimli battalji, il-klabb reġa’ rnexxielu jżomm postu fost l-aqwa fil-futbol Malti, kisba li tibqa’ xhieda tal-karattru u l-qalb kbira ta’ dan il-klabb storiku.
U kif jgħidu, wara l-għaqda hemm is-saħħa … xi ħaġa li ż-Żabbarin żgur huma rinomati għaliha!


