Is-sit soċjali Twitter jista’ jiffaċċja multa sa $250 miljun għall-użu ħażin ta’ informazzjoni personali ta’ dawk li jużawh.
Fil-fatt, dan il-ġgant tal-midja soċjali kkonferma li għaddejja investigazzjoni mill-Federal Trade Commission tal-Istati Uniti talli b’mod mhux intenzjonat kien qed jagħmlu użu ħażin mill-informazzjoni tan-nies.
Il-kumpanija qalet li s-sena li għaddiet in-numri tat-telefon u l-indirizzi tal-imejl li ngħataw għal raġunijiet ta’ sigurtà, ġew użati għal għanijiet ta’ reklamar bejn l-2013 u l-2019.
Jidher li b’dan il-mod Twitter kiser il-wegħda tiegħu li ma jqarraqx b’dawk li jużaw is-sit, dwar is-sigurtà tal-informazzjoni tagħhom. Qed jingħad li dan ħalla li din l-informazzjoni tintuża minn dawk li jirreklamaw.
Din il-kwistjoni tista’ tiswa bejn $150 miljun u $250 miljun biex tiġi solvuta. Għalhekk, Twitter diġà qed iżomm merfugħin $150 miljun qabel ma tingħata l-multa.