Tuesday, December 24, 2024

UCL: AC Milan ifittxu li jwettqu tpattija sportiva fuq Chelsea

Aqra wkoll

Hekk kif bejn illum u għada, tirritorna l-UEFA Champions League, iċ-champions Taljani AC Milan se jkunu qed ifittxu li jwettqu tpattija sportiva fuq Chelsea. Dan wara t-telfa ta’ 3-0 li sofrew matul il-ġimgħa li għaddiet fi Stamford Bridge. Dan fost iktar logħbiet interessanti.

AC Milan v Chelsea

AC Milan se jippruvaw jirritornaw għar-rebħ f’din il-kompetizzjoni hekk kif jilqgħu lil Chelsea fit-tieni leg ta’ bejniethom. Fil-partita li kellhom fi Stamford Bridge l-ġimgħa l-oħra, kienu Chelsea li rebħu bl-iskor konvinċenti ta’ 3-0 sabiex laħqu lill-istess Rossoneri fil-klassifika.

Dawn iż-żewġ timijiet huma favoriti li jiksbu post fit-tieni rawnd eliminatorju ta’ din il-kompetizzjoni għalkemm bħalissa qed jaqsmu t-tieni post, punt biss bogħod mil-liders Salzburg.

Milan ġejjin minn rebħa tajba ta’ 2-0 kontra Juventus fil-kampjonat Taljan. Huma ma jistgħux jinkludu lil Simone Kjaer, Davide Calabria, Alexis Saelemaekers, Junior Messias, Mike Maignan, Alessandro Florenzi u Zlatan Ibrahimovic.

Chelsea għadhom mingħajr Wesley Fofana u Ngolo Kante.

FC Copenhagen v Manchester City

Manchester City huma favoriti li jagħmluhom erba’ rebħiet minn erba’ partiti meta jmorru fid-Danimarka sabiex jiltaqgħu kontra FC Copenhagen. Fil-logħba li ntlagħbet fl-Emirates Stadium ġimgħa ilu, kienu s-Citizens li rebħu bl-aktar mod faċli bl-iskor ta’ 5-0. It-tim immexxi minn Pep Guardiola qed ikollu staġun eċċezzjonali bl-attakkanti Erling Haaland li qed jiskorja gowl wara l-ieħor.

Copenhagen s’issa kisbu biss punt minn dan il-grupp wara dro ta’ 0-0 kontra Sevilla. L-għan tagħhom hu li għallinqas jiksbu t-tielet post tal-grupp li jfisser post fil-UEFA Europa League. 

Manchester City se jkollhom neqsin lil Kyle Walker, John Stones u Calvin Phillips li kollha huma mweġġgħin.

Copenhagen ma jistgħux jinkludu lil Stenn Oskarsson, Rasmus Jensen, Nicholai Boilesen u Zeca.

Maccabi Haifa v Juventus

Juventus iridu rebħa biex jittamaw li għallinqas jiksbu t-tieni post tal-grupp għalkemm l-affarijiet għadhom jidhru improbabbli wara l-aħħar riżultati negattivi li qed jiksbu. 

Il-Bianconeri tilfu 2-0 kontra AC Milan f’konfront li huma ddiżappuntaw ferm. L-għan tal-kowċ Massimiliano Allegri hu li jirrepeti l-wirja tal-ġimgħa l-oħra fl-Allianz Stadium kontra l-istess tim Iżraeljan tant li rebaħ bl-iskor ta’ 3-1.

Maccabi Haifa għadhom mingħajr punt minn tliet logħbiet hekk kif tilfu l-konfronti kollha li lagħbu kontra PSG u Benfica. It-tim qed jaqla’ diversi gowls u għandu problema fl-attakk hekk kif huma skorjaw biss żewġ gowls.

Allegri għadu ma jistax jinkludi lil Mattia De Sciglio, Marley Ake, Paul Pogba u Kaio Jorge li jinsabu mweġġgħin.

It-tim minn Haifa għandu l-iskwadra kompluta hekk kif la hemm injuries u lanqas sospensjonijiet.

Shakthar Donetsk v Real Madrid

Real Madrid huma favoriti li jiksbu t-tliet punti minkejja li se jilagħbu barra minn darhom għand Shakthar Donetsk.

It-tim immexxi minn Carlo Ancelotti jinsab b’punti massimi minn tliet logħbiet hekk kif rebħu l-logħbiet kollha li lagħbu kontra Leipzig, Celtic u l-istess Shakthar Donetsk li ġimgħa ilu rebħu 2-1 f’Estadio Santiago Bernabeu.

Shaktar Donetsk għandhom erba’ punti minn tliet logħbiet u mhux qed ikollhom kompetizzjoni daqshekk negattiva. Għalihom qed jispikka l-attakkant Mykhailo Mudryk li skorja żewġ gowls f’din il-kompetizzjoni.

Real Madrid ma jistgħux jinkludu lil Daniel Ceballos u Thibaut Courtois filwaqt li t-tim mill-Ukrajna se jkollu lill-plejers kollha għad-dispożizzjoni tal-kowċ Igor Jovicevic.

Napoli v Ajax 

Napoli jridu jkomplu jżommu l-mument perfett tagħhom u eventwalment jiksbu t-tliet punti tant importanti meta fi Stadio Diego Armando Maradona jospitaw lil Ajax Amsterdam. 

It-tim immexxi minn Luciano Spalletti għaddej tajjeb ferm kemm fil-kampjonat kif ukoll f’din il-kompetizzjoni li fiha huma għandhom punti massimi. 

Fil-konfront li kellna ġimgħa ilu fl-Amsterdam Arena, kienu l-Partenopei li għelbu 6-1 lil Ajax f’logħba li huma ddominaw mill-bidu sal-aħħar. Huma għalhekk favoriti li jiksbu t-tliet punti minn din il-partita.

Ajax għandhom tliet punti fi grupp A u jinsabu fit-tielet post tal-klassifika. Se tkun biċċa xogħol diffiċli għat-tim Olandiż jieħu xi ħaġa minn din il-partita. Huma se jkollhom lil Dusan Tadic sospiż filwaqt li Jorge Kaplan hu mweġġa’.

Napoli ma jistgħux jinkludu lil Victor Osimhen.

Rangers v Liverpool

Liverpool imorru għand Glasgow Rangers bit-tama li jiksbu l-iktar ħaġa importanti; ir-rebħa li tagħtihom iċ-ċans iżommu t-tieni post li tista’ tfisser kwalifikazzjoni għall-fażi eliminatorja. 

Fl-ewwel leg li ntlagħab f’Anfield Road, kienu Liverpool li rebħu 2-0 lil Rangers. It-tim immexxi minn Jurgen Klopp ġej minn telfa kontra Arsenal fil-kampjonat Premier Ingliż. Hekk kif jidher li t-tiġrija għat-titlu fl-Ingilterra hi kważi mitmuma, l-għan ta’ Jurgen Klopp hu li jkompli għaddej ġmielu f’din il-kompetizzjoni.

Rangers għadhom ma kisbu l-ebda punt minn din il-kompetizzjoni hekk kif tilfu l-logħbiet kollha li lagħbu. Huma għandhom lil John Souttar, Tom Lawrence, Kemar Roofe, Filip Helander u Nnamdi Ofoborh barra għax imweġġgħin.

Min-naħa l-oħra, Arthur, Andrew Robertson, Curtis Jones, Naby Keita u Alex Oxlade Chamberlain huma neqsin minħabba injury.

Barcelona v Inter

Inter jixtiequ jirrepetu l-wirja li kellhom fi Stadio San Siro fil-logħba li kellhom kontra Barcellona hekk kif rebħu bl-iskor minimu ta’ 1-0. Huma se jerġgħu jiltaqgħu ġimgħa wara, din id-darba f’Camp Nou bil-Katalani li lesti jpattuha lin-Nerazzurri.

Bħalissa f’dan il-grupp ferm kompetittiv, Bayern Munich qegħdin fl-ewwel post tal-klassifika b’disa’ punti segwiti minn Inter b’sitt punti u Barcellona bi tlieta. Viktoria Plzen għadhom mingħajr punt.

Inter irritornaw għar-rebħ fil-kampjonat wara numru ta’ riżultati diżappuntanti għalkemm jafu li l-logħba fi Spanja mhux se tkun faċli. Huma se jkollhom neqsin lil Joaquin Correa, Alex Cordaz u Marcelo Brozovic.

Barcellona ma jistgħux jinkludu lil Andreas Christensen, Hector Bellerin, Memphis Depay u Roland Araujo.

PSG v Benfica

Paris St Germain jittamaw li jirritornaw għar-rebħ hekk kif jospitaw lil Benfica fir-raba’ logħba tagħhom ta’ grupp H.

Fl-ewwel logħba li ntlagħbet bejniethom fil-Portugall, iż-żewġ timijiet kienu spiċċaw fi dro ta’ 1-1. Wara li Lionel Messi kien poġġa lill-Franċiżi fil-vantaġġ, Danilo Pereira ġab l-iskor indaqs għal Benfica. Dawn tal-aħħar qed ikollhom kompetizzjoni ferm pożittiva hekk kif jinsabu jaqsmu l-ewwel post tal-klassifika flimkien mal-istess PSG.

PSG se jkollhom neqsin lil Nuno Mendes, Lionel Messi, Renato Sanchez u Presnel Kimpenbe filwaqt li Benfica ma jistgħux jinkludu lil Felipe Morato u Lucas Verissimo.

Ekonomija

Sport