Meta lbieraħ intlagħab it-tieni programm tal-Aħħar 16 tal-UEFA Champions League, Bayern Munich rebħu d-Derby tal-Ġermanja meta għelbu lil Bayer Leverkusen bl-iskor ta’ 3-0.
Feyenoord v Inter – Inter għamlu pass kbir biex javvanzaw għar-round li jmiss meta barra minn darhom għelbu lil Feyenoord bl-iskor ta’ 2-0 bil-goals jaslu wieħed f’kull taqsima.
Kien Marcus Thuram (38) li fetaħ l-iskor u Lautaro Martinez (50) irdoppja għan-Nerazzuri li setgħu għamluhom tlieta iżda mill-11-il metru, Piotr Zielinski (65) ra lill-goalkeeper Timon Wellenreuther, isalva t-tentattiv tiegħu.
Benfica v Barcelona – Minkejja li lagħbu bi player inqas għal 70 minuta, barra minn darhom Barcelona xorta waħda kienu tajbin biżżejjed biex għelbu li Benfica bl-iskor ta’ 1-0.
Kien fit-22 minuta li Pau Cubarsi tkeċċa wara li kkommetta foul ikrah fuq l-attakkant Vangelis Pavlidis. Peró, Raphinha (61) skorja dak li kellu jkun il-goal tar-rebħa.
Paris SG v Liverpool– Barra minn darhom Liverpool għelbu lil Paris St-Germain bl-iskor ta’ 1-0.
Mas-suffara inizjali, il-Pariġini ħarġu fuq l-offensiva fejn ġiegħlu lil Liverpool jirtiraw lura.
F’nofs l-ewwel taqsima, Khvicha Kvaratskhelia kellu goal imħassar għal offside millimetriku.
PSG iddominaw għal ħinijiet twal fejn il-goalkeeper, Alisson, kien il- protagonista għal Liverpool billi kien kostrett li jagħmel bosta saves.
Iżda tliet minuti mit- tmiem, Harvey Elliot, li kien ilu fil-ground 34 sekondi, skorja l-goal tar-rebħa għal Liverpool.
Bayern M. v Leverkusen – Bayern Munich għamlu pass kbir lejn il-kwarti-finali b’rebħa ta’ 3-0 fuq Bayer Leverkusen.
Kien Harry Kane (9) li wara li rċieva mingħand Michael Olise, għamel finta lil Mukiele biex quddiem il-lasti ma ħafirx.
Fl-54 minuta huma rduppjaw meta l-goalkeeper, Matej Kovar, żelaqlu l-ballun biex Jamal Musiala kien pront u xeħet fix-xibka. Imbagħad, Kane (75) issiġilla r-rebħa minn penalty.
Fit-62 minuta, Leverkusen kellhom lil Nordi Mukiele mkeċċi.