Saturday, September 26, 2026
Home Sport FA Cup: Se terġa’ tintlagħab partita minħabba żball tekniku tar-referee

FA Cup: Se terġa’ tintlagħab partita minħabba żball tekniku tar-referee

0
118

Mulbarton Wanderers, team żgħir tal-football non-league, esprima r-rabja tiegħu wara li ġie ordnat jerġa’ jilgħab il-konfront tiegħu tal-FA Cup kontra Woodford Town. It-team tat-tmien livell kien jemmen li kien għadda għat-tielet rojund ta’ kwalifikazzjoni wara rebħa ta’ 2-1, fejn kien mistenni jiltaqa’ ma’ Gloucester City.

Madankollu, il-logħba se terġa’ tintlagħab wara żball tar-referee waqt il-konfront. Woodford Town ippreżentaw protest wara li penalty li ngħata lit-team tħassar minħabba li players daħlu fiż-żona tal-penalty qabel iż-żmien. B’mod kontroversjali, minflok ma ngħata retake jew ġie kkonfermat il-goal, ingħata free-kick indirett lil Mulbarton.

Il-każ intbagħat quddiem sotto-kumitat tal-FA, li ddeċieda li l-logħba kollha kellha terġa’ tintlagħab. Mulbarton ikkritika d-deċiżjoni u wissa li din tista’ toħloq preċedent perikoluż, speċjalment fi żmien meta d-deċiżjonijiet tar-referees diġà jinsabu taħt skrutinju kbir minħabba kontroversji relatati mal-VAR fil-Premier League.

Fi stqarrija, Mulbarton spjega li r-referee kien inizjalment ta penalty lil Woodford, li ġie skorjat. Wara l-goal, ir-referee induna li numru ta’ plejers ta’ Woodford kienu daħlu fiż-żona qabel il-ħin u ta free-kick indirett lil Mulbarton.

Skont il-club, din kienet applikazzjoni żbaljata tal-Liġi 14 tar-regoli tal-football. F’dik is-sitwazzjoni, ir-referee kellu jew iħalli l-goal jgħodd jew jordna li l-penalty jerġa’ jittieħed. Il-club żied jgħid li l-FA inizjalment kienet qalet li protest dwar applikazzjoni żbaljata tar-regoli f’dan il-każ ma kienx permess.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here