Il-Premier League ingħaqad ma’ La Liga ta’ Spanja, il-Bundesliga tal-Ġermanja u s-Serie A tal-Italja biex jitlob riforma “fundamentali” fil-mod kif titmexxa l-FIFA.
Dawn il-Kampjonati sostnew li l-football dinji jeħtieġ struttura aktar trasparenti, oġġettiva, proporzjonata u inklużiva, u kkritikaw dak li ddeskrivew bħala l-espansjoni kontinwa tal-FIFA.
Fi stqarrija konġunta, il-Kampjonati qalu li l-problemi tal-governanza tal-FIFA jmorru lil hinn minn persuna waħda u akkużaw lill-president Gianni Infantino li “ppromwova b’mod attiv ideat ta’ sfruttament”. Huma argumentaw li l-football ma jistax ikompli jikber globalment jekk il-pedamenti tal-organizzazzjoni li tmexxihom ikunu dgħajfa.
Il-kritika ġejja ftit jiem wara li Infantino ppropona reviżjoni esterna tal-operat tal-FIFA, wara l-kriżi relatata mal-pjan tiegħu li tinbiegħ sehem fit-Tazza tad-Dinja lil investituri privati. Il-kampjonati rreferew ukoll għall-FIFA Forward Enterprise, li eventwalment ġie rtirat wara pressjoni minn diversi partijiet interessati.
Skont il-Kampjonati, bidliet superfiċjali fil-proċeduri mhumiex biżżejjed u hemm bżonn ta’ riforma fundamentali tal-governanza sabiex jiġu stabbiliti konfini kostituzzjonali ċari. Huma enfasizzaw ukoll il-ħtieġa li kwistjonijiet dixxiplinarji jkunu protetti minn interferenza politika.
Din il-kritika tidher li tirreferi wkoll għall-każ ta’ Folarin Balogun, li s-sospensjoni tiegħu ġiet ikkanċellata wara li l-President Amerikan, Donald Trump, ċempel lil Infantino u talab li l-każ tiegħu jiġi rivedut.
Il-kampjonati qalu li konċentrazzjoni ta’ poter regolatorju, kummerċjali u politiku f’idejn uffiċċju wieħed, mingħajr kontrolli u bilanċi effettivi, mhijiex sistema xierqa għall-football modern.




