Sunday, May 5, 2024

UCL: Erling Haaland jerġa’ jkun l-eroj ta’ Manchester City

Aqra wkoll

Meta ntlagħab it-tieni programm tat-tieni ġurnata tal-Fażi tal-Gruppi tal-UEFA Champions Lea­gue, Erling Haaland seraq ix-xena meta skorja l-goal tar-rebħa għal Manchester City kontra l-ex team tiegħu Borussia Dortmund għal skor ta’ 2-1.

Grupp A – Fil-partita bejn Rangers u Napoli kien hemm drama kbira meta fis-57 minuta, Napoli ngħa­taw penalty iżda Piotr Zielinski fallieh u mir-rebound Matteo Politano skorja. Peró kel­lu jerġa’ jingħata fuq insistenza tal-VAR.  Mill-is­tess 11-il metru, Zielinski ra lil-goallkeper Allan McGregor jer­ġa’ jilqa’ t-tentattiv tie­għu.

Iżda mbagħad Napoli skorjaw tliet darbiet minn Politano (68 pen) u mbagħad Giacomo Raspadori (87),  Tanguy Ndombele (93).

Rangers kellhom lil James Sands (55) għal żewġ karti sofor.

Grupp E – Milan għelbu lil Dinamo Zagreb bl-iskor ta’ 3-1.  Huma fetħu vantaġġ ta’ żewġ goals minn Olivier Giroud (45 pen) u Alexis Saelemaekers (47). Iżda f’azzjoni mill-isbaħ Mis­lav Orsic (56) reġa’ daħ­ħal lill- Kroati fil-partita.

Madankollu, 13-il minuta mit-tmiem, Tommaso Po­bega  aċċerta r-rebħa għar- Ros­soneri.

Taħt it-tmexxija l-ġdid tal-coach Graham Potter, Chelsea affrontaw lil RB Salzburg u kellhom jikkuntentaw bi draw ta’ 1-1.

Kien Raheem Sterling (48) li fetaħ l-iskor għall- Pensioners iżda Noah Okafor (75) kiseb id-draw għat-team Awstrijak.

Grupp F – Real Madrid għelbu lil RB Leipzig bl-iskor ta’ 2-0 b’goals minn Federico Valverde (80) u Marco Asensio (91).

Celtic kisbu l-ewwel punt meta barra minn darhom spiċċaw fi draw ta’ 1-1 kontra Shakhtar Donetsk tal-Ukrajna.

L-Iskoċċiżi fetħu l-iskor minn auto-goal ta’ Artem Bondarenko (10) iżda My­khailo Mudryk (29) kiseb id-draw għat-team ospitu.

Grupp G – Manchester City ospitaw lil Borussia Dortmund u rebħulhom 2-1 fi spazju ta’ tliet minuti.

Wara taqsima mingħajr goals, kien Jude Bellingham (56) li fetaħ l-iskor għall- viżitaturi. Iżda John Stones (80) b’xutt minn tarf il-kaxxa kiseb id-draw għat-team immexxi minn Pep Guar­diola … u l-ex player ta Borussia, Erling Haaland (83), kiseb il-goal tar-rebħa fl-uniku xutt li ta matul il-partita kollha.

Grupp H – Benfica marru għand Juventus u dawru telfa f’rebħa bl-iskor ta’ 2-1 bil-goals jaslu minn minn penalty ta’ Joao Mario (43) u David Neres (55) wara li  Arkadiusz Milik (4) fetaħ l-iskor għall-Bianconeri.

Paris St Germain marru għand Maccabi Haifa u reb­ħu bl-iskor ta’ 3-1. 

Kien Tjarron Chery (24)  li fetaħ l-iskor għall-Iżraeliti iżda Lionel Messi (37),  Kylian Mbappe (69) u Neymar (87) taw ir-rebħa lill-Pariġini.

Sport