Thursday, July 11, 2024

UCL: Floriana jdawru telfa f’rebħa kontra Tre Penne

Aqra wkoll

Floriana …….3

Tre Penne …..1

Minn Cristian Muscat

Reazzjoni b’saħħitha rat lil Floriana jdawru telfa f’rebħa ta’ 3-1 kontra SP Tre Penne ta’ San Marino liema partita kienet valida mill-ewwel leg tal-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa Conference League.

Dan hekk kif wara li ġew maħsuda b’goal kmieni fit-tieni taqsima, Floriana, irreaġixxew bl-aqwa mod possibli u skorjaw tliet goals f’temp ta’ tmien minuti biex kisbu vantaġġ komdu.  

Kienu Floriana li ħolqu l-ewwel periklu fil-ħames minuta meta free-kick Jake Grech intemm għoli.

Il-Greens komplew jiddettaw il-logħob u fit-12 minuta Jake Grech sab l-ispazju u kellu xutt mid-distanza jiġi devjat f’corner b’diffikultá mill-goalkeeper Mattia Migani.

L-avversarji wieġbu fis-17-il minuta, permezz ta’ xutt mid-distanza ta’ Armando Amati li ntemm għoli.

Iżda kienu Floriana li tilfu ċans tad-deheb li jiftħu l-iskor mill-azzjoni li segwiet meta Kemar Reid kellu xutt fil-baxx minn pożizzjoni angolata jiġi salvat minn Migani.

U jekk dan kien ċans kbir mitluf għal Floraina, daqstant ieħor kien dak għal Tre Penne man-nofs siegħa logħob permezz ta’ xutt minn tarf il-kaxxa ta’ Tommaso Guidi li ġie mdawwar f’corner minn mill-goalkeeper ta’ Floriana, Christoffer Mafoumbi, li kien qed jagħmel id-debutt tiegħu mal-Greens.

Dan sabiex żewġ minuti biss wara Thiaginho għal Floriana indirizza cross-shot fil-baxx b’Jake Grech jonqos milli jagħmel kuntatt mal-ballun minn taħt il-lasti biex falla ċans tad-deheb li jixħet il-ballun fix-xibka.

Fil-51 minuta, Tre Penne fetħu l-iskor minn TOMMASO GUIDI li approfitta minn indeċiżjoni fid-difiża Furjaniża.

Iżda erba’ minuti wara, Floriana kisbu d-draw meta cross ta’ Kemar Reid sab lil KYRIAN NWOKO li b’ daq­qa ta’ ras preċiża tefa’ ġewwa.

U żewġ minuti biss wara il-Greens marru fil-vantaġġ meta Thiaguinho pprovda l-assist lil DUNSTAN VELLA li żmarkat minn tarf il-kaxxa spara l-ballun fis-saqaf tax-xibka.

Fit-63 minuta, Floriana kabbru l-vantġġ meta Mi­gani salva parzjalment fuq xutt ta’ Grech, bil-ballun  jintemm għand Reid li xeħet għan-nofs li sab lil THIA­GINHO li b’xutt akrobatiku sammar il-ballun fix-xibka.  

FLORIANA: 45-Christoffer Mafoumbi, 77-Aleandro Garzia (21-Carlo Zammit Lonardelli 87), 17-Owen Spiteri, 4-Oualid El Hasni, 55-Alexandros Kouros (70-Fernando Augusto Rodriguesde Araujo 82), 20-Matias Nicolas Garcia, 12-Dunstan Vella (10-Jose Ulises Arias 68), 11-Thiaguinho (7-Mattia Veselji 68), 8-Jake Grech, 9-Kemar Reid, 22-Kyrian Nwoko (90-Anthony Obonogwu 67) – Coach: Darren Abdilla

TRE PENNE: 26-Mattia Migani, 28-Giacomo Nigretti (23-Fabio Giovagnoli 92), 4-Nicola Vecchio, 19-Nicolas Lombardi, 3-Mirko Palazzi (24-Enrico Casadei 82), 14-Marcello Scarponi (18-Malvin Zeka 82), 21-Armando Amati, 13-Benjamin Boccioletti, 10-Lorenzo Dorni (22-Cristian Grieco 67), 9-Riccardo Pieri, 7-Tommaso Guidi (11-Luca Ceccaroli 82)  – Coach: Nicola Berardi

REFEREE: Florian Lata (Albanija)

ASS. REFEREES: Erind Burgu, Marjus Qose (Albanija)

RABA’ UFF: Andi Koci (Albanija)

SKORERS: T. Guidi 50 (TP), K. Nwoko 55, D.Vella 57, Thia­guinho 63 (F)

AMMONITI: K. Nwoko, D. Vella (F), N. Vecchio, M. Palaz­zi (TP)

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport