Saturday, October 26, 2024

UCL: Illum Hamrun Spartans jilqgħu lil Maccabi Haifa

Aqra wkoll

Proprju llum jingħata bidu għall-istaġun 2023/24 meta fis-Centenary Stadium, fit-8.00 pm, Hamrun Spartans jilqgħu lill-Iż­raeliti ta’ Maccabi Haifa, fl-ewwel leg tal-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni tal- UEFA Champions League. 

Iċ-champions Maltin jiffaċċjaw lil dawn l-avversarji b’dehra ġdida hekk kif il-coach Taljan, Luciano Zauri, se jagħmel id-debutt tiegħu b’mod uffiċjali. 

Barra minn hekk, il-kumitat Ħamruniż kien involut f’ħidma sfieqa biex isaħħaħ l-iskwadra fejn ġew iffirmati bosta players ġodda, fosthom il-goalkeeper Taljan, Fede­rico Marchetti, id-difensur Kroat Karlo Bilic,  il-midfielders Yuliyan Nenov (Bulga­rija), Nemanja Krsit (Serbja) u Elionay Freitas (Brażil) u l-attakkanti Seth Painstil (Ghana) u Uros Djuranovic (Serbja). Id-di­fensur Malti, Joseph Zerafa, ġie wkoll inklużi f’din il-lista ta’ ak­kwisti ġodda.  

Min-naħa l-oħra, it-tluq tal-midfielder internazzjonali Malti, Matthew Guillaumier, ġie bħala sorpriża fejn kien rilaxxat ukoll mill-club. 

L-avversarji tal-lum huma ferm diffiċli hekk kif Maccabi Haifa huma wieħed mill- aqwa erba’ timijiet fil-kampjonat Iżraelit fejn rebħu għadd ta’ unuri fosthom, 15-il darba l-kampjonat, sitt darbiet in-Knock-Out, ħames darbiet it-Toto Cup u erba’ darbiet is-Super Cup. 

Huma saru wkoll l-ewwel team li kkwali­fika għall-Fażi tal-Grupp tal-UEFA Cham­pions League fl-istaġun 2002/03 u għandhom ukoll ir-rekord tal-iktar club domestiku li pparteċipa f’din il-kompetizzjoni prestiġjuża. 

Huma waslu wkoll sal-Fażi tal-Gruppi tat-Tazza UEFA u tal-UEFA Conference Lea­gue.

Dan it-team mill-belt kapitali Iżraelita rebaħ il-kampjonat fl-istaġun li għadda b’seba’ punti vantaġġ fuq Hapoel Beer Sheva u tmien punti fuq Maccabi Tel Aviv.

Maccabi Haifa huma mmexxija mill-coach, Dego Messay, 37 sena. 

Huma jibqgħu magħrufin li fl-aħħar Fażi tal-Gruppi tal-UEFA Champions League, huma għelbu lil Juventus, bl-iskor ta’ 2-0, f’Ottubru li għadda. 

Maccabi jilagħbu l-logħob tagħhom f’Sammy Ofer Stadium li jesa’ 30,858 spettatur u hu t-tieni l-ikbar stadium f’Iżrael.

Huma se jkunu l-ħames team li se jilgħab kontra timijiet Maltin, bl-erba’ l-oħra jkunu Beitar Jerusalem (v Floriana b’aggregate ta’ 8-2), Maccabi Netanya (v Sliema W. 3-0), Hapoel Petah Tikva (v Floriana 1-1) u Maccabi Tel Aviv (v Valletta 3-1 u Hibernians 6-3). 

Min-naħa tal-Ispartans, din se tkun is-27 partita fil-kompetizzjonijiet Ewropew hekk kif fis-26 preċedenti, ir-rekord tagħhom huwa dak ta’ tmien rebħiet, żewġ draws u 16-il telfa. 

Il-parteċipazzjoni kienet hekk: Tazza Ewropea (8), Tazza tat-Tazzi (8), UEFA Conferencel League (8) u Tazza UEFA (2).

Bla dubju l-kwalifikazzjoni storika ta’ Hamrun Spartans teħodna lura f’Settmbru 1984, fit-Tazza tat-Tazzi,  kontra l-Irlandiżi (ta’ Fuq) ta’  Ballymena United, b’aggregate ta’ 3-1 (1-0 u 2-1).  

It-tliet goals tal-Ispartans waslu mil- leġġendarju, Raymond Xuereb, fejn kien l-ewwel player li skorja għall-Ħamruniżi u l-ewwel player li rreġistra doppjetta għalihom fl-istorja tal-club fil-kompetizzjonijiet Ewropej.

Barra minn hekk kienet l-ewwel parteċipazzjoni ta’ Hamrun fl-Ewropa u l-ewwel darba wkoll li kkwalifikaw għar-round li jmiss.  

Sport