Monday, May 13, 2024

UCL: Illum u għada jkunu magħrufa l-finalisti

Aqra wkoll

Illum u għada jintlagħbu t-tieni legs tas-semi-finali tal- UEFA Champions League b’żewġ konfronti ferm inte­ressanti hek kif illum Paris St-Germain jospitaw lil Borussia Dortmund li qed igawdu vantaġġ minimu ta’ 1-0 filwaqt li Real Madrid jilqgħu lil Bayern Munich wara li l-ewwel leg intemm fi draw ta’ 2-2.  

Għaldaqstant f’dawn il-jumejn se nkunu nafu min se jikkwalifika għall-finali li se tintlagħab f’Wembley Sta­dium, fl-1 ta’ Ġunju li ġej.

Iż-żewġ partiti jintlagħbu fid-9.00 pm. Jekk sal-ħin normali l-aggregate ikun dak ta’ draw, jintlagħab il-ħin barrani u f’każ li ma jiġix deċiż ir-rebbieħ jingħataw il-penalties. 

ILLUM

Paris St-Germain v Borussia Dortmund (0-1)

Paris St-Germain, li mill-erba’ semi-finalisti huma l-uni­ku team li ma għolliex din it-tazza, jilqgħu lil Borussia Dormtund fejn iridu jirkupraw żvantaġġ ta’ goal biex ikunu jistgħu jaqtgħu l-passaġġ tagħhom lejn Londra. 

Fi tmiem il-ġimgħa li għadda huma ma kienux impenjati fil-kampjonat domestiku biex jitħejjew għal dan il-konfront mill-aktar importanti fl-istorja tal-club. 

Min-naħa tagħhom, Dortmund irreġistraw rebħa komda ta’ 5-1 fuq Augsburg minkejja li serrħu bost players għal din l-partita. 

Fl-ewwel leg, il-Ġermaniżi ddominaw lill-avversarji tagħhom bil-Franċiżi jkunu perikolużi fil-kontrattakki. Peró, Dortmund setgħu rebħu bi skor akbar iżda naqsu li jieħdu ċ-ċansijiet tagħhom, bl-uniku goal jasal minn Niklas Fullkrug. 

Dan se jkun konfront kompletament differenti fejn wieħed irid jara jekk il-Pariġini humiex se jkunu kapaċi jdawru r-riżultat favur tagħhom.  

Huma ma jistgħux jinkludu lil Lucas Hernandez li sofra injury fil-ligament tal-irkoppa fl-ewwel leg filwaqt li  Sergio Rico u Layvin Kurzawa għadhom qed jirkupraw minn injury. 

Min-naħa tagħhom, Borussia ma jistgħux jinkludu lill-imweġġgħin Ramy Bensebaini, Sebastien Haller u Julien Duranville.

GĦADA

Real Madrid v Bayern Munich (2-2)

Real Madrid jilagħbu f’darhom kontra Bayern Munich fejn jibdew b’vantaġġ psikoloġiku wara li l-ewwel leg intemm fi draw ta’ 2-2. 

Aktar minn hekk, bħalissa t-team immexxi mill-coach, Carlo Ancelotti, jinsab f’burdata festiva wara li nhar is-Sibt ġew dikjarati champions Spanjoli għas-36 darba, grazzi għar-rebħa tagħhom ta’ 3-0 fuq Cadiz u għat-telfa ta’ 4-2 ta’ Barcelona kontra Girona. 

Min-naħa ta’ Bayern Munich, din il-kompetizzjoni hija l-unika ċans li jsalva l-istaġun tagħhom wara li fix-xena domestika ddiżappuntaw bil-kbir. 

Minkejja li fl-ewwel leg kienu l-aħjar team, huma ma rnexxielhomx joħorġu rebbieħa, fejn għalihom skorjaw Leroy Sane (53) u Harry Kane (57 pen) filwaqt li Vinicius Jr (24, 83 pen) skorja għall-Madrileni fil-ftit attakki li tellgħu.

Real ma għandhom l-ebda problemi ta’ players neqsin minħabba li Ancelotti se jkollu l-iskwadra kollha għad-dispożizzjoni tiegħu. 

Min-naħa ta’ Bayern, għandhom lil Raphel Guerrero imweġġa’ filwaqt li Eric Dier u Matthijs De Ligt huma dubjużi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport