Liverpool saru l-ewwel team li kkwalifika għall-Aħħar 16 tal-UEFA Champions League meta għelbu lil Lille bl-iskor ta’ 2-1 biex irreġistraw is-seba’ rebħa minn daqstant partiti biex jinsabu wkoll fil-quċċata tal-Fażi tal-Kampjonat.
Liverpool v Lille – Liverpool għelbu lil Lille bl-iskor ta’ 2-1 liema rebħa setgħet kienet ferm akbar.
Minkejja li ddominaw għal bost ħinijiet, huma setgħu biss jidħlu jistrieħu b’goal vantaġġ skorjat minn Mohamed Salah li kien il-50 goal tiegħu għar-Reds fil-kompetizzjonijiet Ewropej.
Fid-59 minuta, Lille tkeċċielhom Aissa Mandi (59) iżda tliet minuti wara kisbu d-draw minn Jonathan David. Madankollu, Harvey Elliott (67) skorja l-goal tar-rebħa b’xutt devjat minn barra l-kaxxa.
Atalanta v Sturm Graz – Atalanta għamlu pass kbir lejn kwalifikazzjoni awtomatika meta f’darhom għelbu lil Sturm Graz bl-iskor ta’ 5-0, bl-iskorers ikunu Mateo Retegui (12), Mario Pasalic (58), Charles De Ketelaere (63), Ademola Lookman (90) u Marco Brescianini (95).
Monaco v Aston Villa – Monaco baqgħu jżommu t-tamiet tagħhom ħajjin li jtemmu mal-ewwel tmienja meta għelbu lil Aston Villa bl-iskor ta’ 1-0, bil-goal importanti jasal minn Wilfried Singo (8).
Atletico Madrid v Leverkusen – Atletico Madrid laqgħu lil Bayer Leverkusen u għelbuhom bl-iskor ta’ 2-1.
Kien Piero Hincapie (45) li fetaħ l-iskor għal Leverkusen iżda Julian Alvarez (53, 90) dawwar ir-riżultat favur Atletico.
Kull team kellu player imkeċċi – Pablo Barrios (23) għal Atletico u Hincapie (76) għal Leverkusen.
Benfica v Barcelona – F’partita mill-aktar eċċitanti, barra minn darhom Barcelona għelbu lil Benfica bl-iskor ta’ 5-4.
Il-goals tal-Katalani waslu minn dopppjetta kull wieħed ta’ Robert Lewandowski (13 pen, 77 pen) u Raphinha (64, 94) bil-goal l-ieħor jasal minn Eric Garcia (87).
Il-protagonista ta’ Benfica kien Vangelis Pavlidis (2, 22, 30 pen) li skorja hat-trick bil-goal l-ieħor jasal minn auto-goal ta’ Ronald Araujo (68).
Bologna v Borussia D. – Bologna dawru t-telfa f’rebħa meta għelbu lil Borussia Dortmund bl-iskor ta’ 2-1, b’goals minn Thijs Dallinga (71) u Samuel Iling-Junior (72) wara li Serhou Guirassy (15 pen) fetaħ l-iskor għall-Ġermaniżi.
Club Brugge v Juventus – Juventus marru l-Belġu u ġew miżmuma fi draw ta’ mingħajr goals minn Club Brugge biex issa se jkollhom jikkuntentaw li jilagħbu fil-play-offs għall-Aħħar 16.
Red Star v PSV – PSV Eindhoven marru s-Serbja u għelbu lil Red Star Belgrade bl-iskor ta’ 3-2.
Il-goals waslu minn doppjetta ta’ Luuk de Jong (17, 24) u minn Ryan Flamingo (43) iżda wara li dan tal-aħħar tkeċċa fit-52 minuta, Cherif Ndiaye (71) u Nasser Djiga (77) naqqsu l-marġni għal Red Star.