Fadil Vokrri Stadium – Pristina
FC DRITA……………..2
FLORIANA……………1
(wħb – Agg: Drita 3-2)
F’partita valida mit-tieni leg tat-tieni round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Conference League, Floriana tilfu vantaġġ ta’ goal biex sfaw megħluba 2-1 wara l-ħin barrani minn FC Drita biex dawn tal-aħħar ikkwalifikaw għar-round li jmiss.
Kienu Drita li ħarġu fuq l-offensiva u wara biss erba’ minuti kellhom ferħa bla temma meta minn azzjoni ta’ corner, il-ballun intemm għand Hajdin Salihu, li minn taħt il-lasti tefa’ ġewwa, iżda r-referee Rumen Horatiu Fesnic kien pront u ħassar dan il-goal minħabba pożizzjoni ta’ offside.
Floriana wieġbu fit-13-il minuta meta Kenan Dervisagic ittanta xortih permezz ta’ xutt mid-distanza li iżda ġie devjat f’corner bir-ras minn Jorgo Pellumbi.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u fid-29 minuta tilfu ċans tad-deheb li jiftħu l-iskor meta Paul Mbong għadda tajjeb lejn Dervisagic li iżda kellu l-konklużjoni fil-baxx wisq fraġli, u ġiet salvata mill-goalkeeper, Faton Maloku, fejn ma kien hemm l-ebda dubju li l-attakkant Bosnjan ta’ Floriana seta’ għamel aħjar f’din iċ-ċirkostanza.
Floriana komplew jippersistu u proprju, fl-40 minuta, huma fetħu l-iskor meta Federico Varela għadda through pass lejn PAUL MBONG li b’eleganza kbira għadda minn bejn żewġ difensuti qabel ma venven xutt minn tarf il-kaxxa li għeleb għal kollox lil Maloku bil-ballun jintemm fir-rokna tax-xibka.
Minuta biss wara, il-Furjaniżi resqu viċin li jirduppjaw iżda Myles Beerman waqt li kien f’pożizzjoni ideali ġie mwaqqa’ fil-kaxxa peró r-referee Rumen, Horatiu Fesnci, ħalla l-logħob għaddej biex il-Greens daħlu jistrieħu fil-vantaġġ ta’ goal.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Floriana komplew bl-istess ritmu u fl-54 minuta, Varela, kellu x-xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa mblukkat minn minn Maloku.
Drita wieġbu fid-59 minuta meta Igball Jashari, żmarkat għal kollox, kellu d-daqqa ta’ ras mill-viċin salvata mill-goalkeeper ta’ Floriana, Guilherme Cioletti.
Il-pressjoni kienet kollha fuq it-team mill-Kosovo u, fl-74 minuta, Arb Manaj dar tajjeb fil-kaxxa, ikkontrolla l-ballun iżda kellu x-xutt minn qagħda ferm ideali tintemm għoli.
U meta kollox deher li Floriana kienu se joħorġu rebbieħa, fit-88 minuta, Drita kisbu d-draw meta Raddy Ovouka għadda tajjeb lejn JORGO PELLUMBI li mill-viċin għeleb lil Cioletti biex kellu jingħata l-ħin barrani.
U proprju wara biss 35 sekonda Drita marru fil- vantaġġ permezz ta auto-goal sfortunat minn Kauan.
FC Drita: Faton Maloku, Besnik Krasniqi, Hajdin Salihu (Raddy Ovouka 60), Jorgo Pellumbi, Blerton Sheji, Vesel Limaj (Altin Bytyci 60), Kristal Abazaj (William Baeten 60), Albert Dabiqaj, Liridon Balaj (Arb Manaj 46), Blerim Krasniqi (Kemehlo Nguena 109), Igball Jashari (Rron Broja 87) – Coach: Zekirija Ramadani
Floriana: Guilherme Cioletti, Myles Beerman, Kauan, Amar Drina, Owen Spiteri, Dunstan Vella (Gaston Manuel Romano 67), Federico Varela, Alen Kurtalic, Kenan Dervisagic (Carlo Zammit Lonardelli 93), Tomislav Gudelj (Zachary Scerri 81), Paul Mbong (Robert Muric 67) – Coach: Daniel Portela
Referee: Horatiu Fesnic (Rumanija)
assistenti: George Florin Neacsu, Ionut Neacsu (Rumanija)
Raba’ Uff.: Rares Vidican (Rumanija)
Skorers: P. Mbong 40 (F), J. Pellumbi 88, Kauan og 91 (D)
Ammoniti: M. Beerman, A. Drina, Z. Scerri (F); I. Jashari , L. Balaj, W. Baeten, J. Pellumbi, B. Sheji (D)




