Saturday, May 4, 2024

UEFA Conference League: Hamrun Spartans jiktbu paġna ġdida fl-Ewropa

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Hamrun Spartans ….1

Velez Mostar ………..0

(Aggregate: Hamrun S. 2-0)

Hamrun Spartans kitbu l-istorja b’ittri tad-deheb hekk kif għall-ewwel darba irnexxielhom jiksbu l-kwalifikazzjoni għat-tielet round f’kompetizzjoni Ewropea meta fil-UEFA Conference League huma għelbu lil Velez Mostar tal-Bosnja Herzegovina bl-iskor ta’ 1-0 għal aggregate ta’ 2-0.

L-Ispartans kienu tattikament ferm dixxiplinati fejn ir-rebħa setgħet kienet akbar li kieku kienu aktar preċiżi fil-konklużjonijiet tagħhom.

Huma ħarġu ferm aggressivi u wara kwarta logħob fetħu l-iskor meta Masike għadda through pass lejn JONNY li avvanza tajjeb u permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka.

Velez Mostar wieġbu erba’ minuti wara u kienu sfortunati li ma ġabux l-iskor indaqs meta Dorde Pantalic kellu xutt b’saħħtu minn pożizzjoni ideali li stampa mal-mimduda biex mir-rebound, Haskic tefa’ inkreddibilment barra.

Fit-32 minuta, l-Ispartans reġgħu ħol­qu l-periklu permezz ta’ free-kick insidjuż ta’ Ognjen Bjelicic li iżda ġie mdawwar f’corner mill-goalkeeper Slavisa Bogdanovic.

Huma komplew jiddettaw il-logħob u żewġ minuti biss wara, Dodo xeħet cross-shot għan-nofs u wara li kien hemm loose ball, minn taħt il-lasti Jonny tefa’ għoli.

Fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima, Hamrun, kienu ferm sfortunati li ma rduppjawx  meta xutt mill-isbaħ ta’ Dodo mid-distanza stampa mal-wieqfa b’Bogdanovic  megħlub għal kollox.

Kien biss fil-65 minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota fit-tieni taqsima meta Ryan Camenzuli xeħet cross sabiħ għan-nofs li sab lis-sostitut Moussa Balla Sow li iżda ma laqatx il-ballun tajjeb bil-goalkeeper Bogdanovic jinterċetta.

Dan sabiex fil-ħin miżjud, is-sostitut Moussa Balla Sowe ġie wicċ imb’wiċċ mal-goalkeeper Bogdanovic iżda ra lil dan tal-aħħar isalva tajjeb.

Iżda dan xejn ma kien jimporta hekk kif is-suffara finali xeħet lill-kamp Ħamruniż f’dellirju ta’ ferħ!!

HAMRUN S.: 1-Henry Bonello, 4-Steve Borg, 6-Matthew Guillaumier (20-Matteo Fedele 80), 9-Elvis Mashika Sukisa (22-Moussa Balla Sowe 62), 10-Dodo (3-Bruno Ederson Domingos 85), 12-Roko Prsa, 27-Ognjen Bjelicic (14-Rodrigo Callegari Torre 80), 28-Juan Carlos Corbalan, 63-Jonny (35-Igor Nedeljkvic 62), 91-Emerson Marcelina, 94-Ryan Camenzuli  – Coach: Branko Nisevic

VELEZ M.:  93-Slavisa Bogdanovic, 5-Adir Bajric, 6-Samir Zaljkovic, 7-Omar Prses (28-Edo Vehabovic 68), 8-Mehmed Cosic (77-Alen Dejanovic 69), 17-Nermin Haskic, 23-Dorde Pantalic (80-Arman Dzankovic 68), 24-Dino Hasanovic, 25-Frane Ilic, 26-Emir Halilovic (3-Antonio Pavic 39), 88-Samir Radovac (10-Nemanja Andusic 57)   – Coach: Amar Osim              

REFEREE: Juri Frischer (Estonja)

ASS. REFEREES: Veiko Motsnik, Sander Saga (Estonja)

RABA’ UFF: Kristo Kulljastinen (Estonja)

SKORER: Jonny 15 (HS)

AMMONITI: R. Prsa, S. Borg, M. Balla Sowe (HS), A. Bajric, D. Hasanovic (VM)

Sport