RAKOW…………..3
VALLETTA……….1
Wirja reżiljenti u ta’ karattru fil-Polonja ma kinetx biżżejjed għal Valletta hekk kif fl-ewwel leg tat-tieni round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Conference League sfaw megħluba minn Rakow bl-iskor ta’ 3-1 wara li kienu l-Beltin li fetħu l-iskor biex taw ħasda lit-team ospitu.
Għal Valletta għamlu d-debutt uffiċjali tagħhom Ignacio Manuel Morello li rnexxielu wkoll isib ix-xibka, Alex De Aguiar Gomes, Roko Prsa, Petar Sekulovic, Bruno Gomes u Ermin Bicakcic.
Il-Pollakki għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari mal-ftuħ tal-partita meta wara biss żewġ minuti, xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa ta’ Michael Ameyaw, ġie mdawwar f’corner mill-goalkeeper Brażiljan Adilson Maringa.
Valletta wieġbu fid-19-il minuta meta l-captain Brandon Paiber kellu x-xutt mblukkat minn difensur ta’ Rakow, bil-ballun jintemm għand Andrea Zammit li minn tarf il-kaxxa venven kanunata li ġiet salvata bi tbatija mill-goalkeeper, Kacper Trelovski.
Il-Beltin komplew iżidu fir-ritmu tagħhom u ta’ dan ġew ippremjati meta, erba’ minuti wara, fetħu l-iskor mata Thaylor Aldama indirizza cross mil-lemin li sab lil IGNACIO MANUEL MORELLO li b’xutt mill-ewwel mill-viċin ma ħafirx, biex b’hekk irnexxielu jsib ix-xibka proprju fid-debutt tiegħu mat-team tal-belt kapitali.
Rakow għamlu reazzjoni u wieġbu fid-29 minuta meta Vladyslav Kochegin irċieva ballun mil-lemin u mpenja sew lil Maringa, li salva tajjeb.
Huma komplew fuq l-offensiva fit-tentattiv li jagħmlu l-iskor indaqs u minuta biss wara, Emreli għadda tajjeb lejn Patryk Makuch iżda x-xutt tiegħu ġie mblukkat f’corner minn Maringa.
Il-Pollakk bdew jibnu l-pressjoni u, fid-39 minuta, resqu ferm viċin li jiksbu d-draw meta minn pożizzjoni ideali, id-daqqa ta’ ras ta’ Malnir Emreli, ġiet salvata minn fuq il-linja fatali minn Diogo Tavares biex evita goal ċert.
Rakow reġgħu resqu qrib li jsibu x-xibka fl-ewwel minuta tal-ħin miżjud tal-ewwel taqsima meta Molnar dar tajjeb mad-difensur, Sava Radic, iżda Maringa kien providenjzjali għall-Beltin, hekk kif dawwar f’corner bi bravura.
Fit-53 minuta, Rakow kisbu d-draw meta x-xutt ta’ Tomasz Pienko ġie mblukkat iżda mir-rebound MAHIR ERMELI ma żbaljax.
Fil-71 minuta, Valletta rebħu penalty meta d-difensur Makuch mess il-ballun b’idu mill-cross ta’ Petar Sekulovic. Iżda dan tal-aħħar xeħet għoli mill-11-il metru.
U ta’ dan in-nuqqas, il-Beltin pattew qares minħabba li seba’ minuti wara, Rakow marru fil-vantaġġ meta azzjoni bejn Emreli u Tomasz Pienko spiċċat għand PATRYK MAKUCH li b’xutt minn barra l-kaxxa xeħet fir-rokna tax-xibka.
U proprju fid-90 minuta, STRATOS SAVARNAS issiġilla r-rebħa għall-Pollakki b’daqqa ta’ ras preċiża.
Rakow: Kacper Trelovski, Fran Tudor, Bogdan Racovitan, Stratos Svarnas, Jean Carlos Silva (Jakub Jendryka 82), Vladyslav Kocherhin, Oskar Repka, Michael Ameyaw (Erick Otieno 72), Patryk Makuch, Mahir Emreli (Adam Basse 82), Adin Molnar (Tomasz Pienko 46) – Coach: Dawid Kroczek
Valletta: Adilson Maringa, Mattias Ellul, Emmanuel Moise Mbende, Sava Radic, Ignacio Manuel Morello (Ermin Bicakcic 80), Thaylor Aldama (Bruno Gomes 80), Alex de Aguiar Gomes (Keyon Ewurum 69), Jake Azzopardi, Andrea Zammit (Roko Prsa 60), Brandon Paiber (Petar Sekulovic 60), Diogo Tavares – Coach: Thane Micallef
Referee: Kadir Saglam (Turkija)
assistenti: Anil Usta, Mehmet Salih Mazlum (Turkija)
Raba’ Uff.: Omer Faruk Turtay (Turkey)
Skorers: I.M. Morello 23 (V), M. Ermeli 53, P. Makuch 78, S. Savarnas 90 (R)
Ammoniti: R. Prsa (V), T.Pienko (R)




