Mara mixlija b’serq minn supermarket u frodi fuq depożiti ta’ kiri 

Aqra wkoll

Mara ta’ 35 sena minn Pietà tressqet il-Qorti akkużata li serqet diversi oġġetti minn supermarket f’Ħal Qormi u li ffrodat diversi persuni b’rabta ma’ depożiti ta’ kuntratti ta’ kiri.

Amanda Borg Manduca ġiet akkużata b’serq, b’approprjazzjoni bla jedd u li kisbet flus jew proprjetà b’għemil  qarrieqi.

Il-prosekuzzjoni allegat li hija żammet depożiti ta’ garanzija mħallsa minn diversi ċittadini ta’ pajjiżi terzi taħt kuntratti ta’ kiri. Hija kienet akkużata wkoll li rrifjutat tagħti informazzjoni, jew tat informazzjoni falza, lill-pulizija waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.

L-avukat difensur Jose Herrera talab il-ħelsien mill-arrest u sostna li fix-xahrejn li għaddew, Borg Manduca allegatament inħatfet u nżammet kontra r-rieda tagħha minn raġel.

Skont id-difiża, dan ir-raġel introduċieha għad-droga, kien isawwatha u jabbużaha regolarment u li ġegħelha twettaq dawn l-allegati reati. 

Id-difiża żiedet li l-pulizija kienu qed jieħdu dawn l-allegazzjonijiet bis-serjetà u li kienet għaddejja investigazzjoni dwarhom.

Madankollu, il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba għall-ħelsien mill-arrest, u sostniet li s’issa ma kienet għadha tressqet ebda prova fil-Qorti dwar dawn l-allegazzjonijiet. Huma qalu li jekk l-akkużata tingħata tinħeles mill-arrest, hi setgħet tippreġudika l-investigazzjoni li għadha għaddejja.

Il-Qorti laqgħet l-oġġezzjoni tal-prosekuzzjoni u ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest. 

Madankollu, irrakkomandat lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sabiex, meta jiddeċiedi fejn se tinżamm l-akkużata, iqis il-vulnerabbiltà apparenti tagħha, id-diffikultajiet psikoloġiċi u l-kundizzjoni fiżika tagħha.

Il-Qorti rrakkomandat ukoll li Borg Manduca tinżamm f’sezzjoni tad-diviżjoni tan-nisa fejn tkun inqas esposta għal “bullying” minn priġunieri oħra.

L-Ispetturi Roderick Attard u John Sammut mexxew il-prosekuzzjoni. L-akkużata kienet assistita mill-avukat Jose Herrera. Il-każ kien ippresedut mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport