Dawn il-mumenti ta’ sħana estrema, b’mod partikolari dawk li għaddejna minnhom f’dawn l-aħħar jiem, ġabu magħhom sfidi kbar li wasslu wkoll anke għall-qtugħ ta’ dawl f’diversi żoni madwar il-pajjiż. Mhux biss imma wkoll is-sħana ħakmet ukoll fuq diversi ħaddiema f’kategoriji differenti tax-xogħol li kellhom ikomplu jwettqu dmirijiethom anke f’ċirkostanzi bħal dawn.
Fost dawn kien hemm il-ħaddiema tal-kumpanija Enemalta li ħadmu u għadhom jaħdmu qatigħ biex kemm jista’ jkun inaqqsu l-inkonvenjenzi li ġew ikkawżati minn ħsarat fis-sistemi li jwasslu l-elettriku fid-djar u lin-negozji. Għalhekk ikun inġust illi jkun hawn min jitfa’ l-ħtija ta’ dawn is-sitwazzjoni fuq il-ħaddiema bla ma jkun jaf il-kundizzjonijiet li dawn il-ħaddiema stess ikunu qed jaħdmu fuqhom.
Meta nsemmu ħaddiema ma nirreferux biss għal dawk tal-Enemalta imma hemm oħrajn li jiffaċċjaw is-sħana fl-apert fosthom uffiċjali taż-żamma tas-sigurtà u l-protezzjoni ċivili, il-ħaddiema tal-kostruzzjoni u anke bdiewa li ħafna drabi jkollhom jaħdmu l-għelieqi tagħhom taħt is-sħana tremenda fil-qilla tax-xemx.
Fortunatament il-ħaddiema f’dawn il-kategoriji għadhom isibu l-protezzjoni tal-organizzazzjonijiet tagħhom fuq quddiem nett il-General Workers’ Union li tisħaq kontinwament mal-maniġment tal-kumpaniji biex jipprovdu faċilitajiet li jipproteġu lill-ħaddiema minn ċirkostanzi ta’ sħana tremenda.
F’dan il-kuntest, anke l-Gvern jara li jipprovdi kull xorta ta’ protezzjoni lill-ħaddiema tiegħu f’postijiet tax-xogħol li ftit huma protetti minn dawn iċ-ċirkostanzi. Għalhekk inħossu li jibqa’ importanti mhux biss li jiġu offruti dawn is-servizzi u faċilitajiet imma li l-ħaddiem innifsu jagħmel użu minnhom biex jipproteġi lilu nnifsu għaliex wara kollox saħħtu u ħajtu huma fir-responsabbiltà tiegħu.
Nieħdu l-opportunità biex inħeġġu lill-pubbliku, speċjalment dawk li jqattgħu ġranet fuq il-bajjiet bir-ramel, biex huma wkoll jipproteġu lilhom infushom b’kull mezz li jistgħu.




