Nhar il-Ġimgħa, Malta kitbet l-istorja billi għall-ewwel darba rebħet grupp ta’ kompetizzjoni Ewropea meta mingħajr ma kienet fl-azzjoni ġiet dikjarata rebbieħa ta’ Grupp 2 ta’ League D tal-UEFA Nations League … wara li Ġibiltá sfaw megħluba minn Andorra bl-iskor ta’ 2-0.
Dan s-sit talab il-kummenti tal-viċi-president tal-Malta FA, Matthew Paris, li deher kuntent u sodisfatt hekk kif il-ħidma kontinwa tal-Assoċjazzjoni qed tħalli l-frott.
Huwa qal:
“Ir-rebħ ta’ dan il-grupp huwa kisba kbira għat-team nazzjonali Malti, għall-Malta Football Association kif ukoll għall-pubbliku sportiv in ġenerali .. u wara numru ta’ parteċipazzjoni fil-UEFA Nations League din hija l-ewwel darba li Malta rebħet il-grupp tagħha.
“Ovvjament, aħna ninsabu kuntenti ħafna b’dan l-unur .. peró issa rridu niffokaw fil-partita li jmiss biex, issa li rbaħna l-grupp, irrid wkoll nirbħu d-diviżjoni.
“Id-diviżjoni hija komposta minn żewġ gruppi u għaldaqsant ir-rebbieħ tagħha jkun dak it-team li jkun kiseb l-akbar ammont ta’ punti (miż-żewġ gruppi).
“Tajjeb li wieħed jinnota li l-Azerbaijan għelbu lil Liectenstein bl-iskor ta’ 1-0 u għandhom 8 punti iżda lagħbu l-partiti kollha tagħhom. Għaldaqstant il-partita li se nilagħbu nhar it-Tnejn hija tant importanti għal dan l-aspett.
“Dan huwa progress li t-team nazzjonali qed jagħmel fejn ilna għaddejjin b’riżultati pożittivi għal dawn l-aħħar sitt partiti.
“Bdejna bil-partita ta’ ħbiberija kontra l-Azerbaijan fis-sajf li għadda u komplejna bil-partiti kompetittivi f’din il-kompetizzjoni tal-UEFA Nations League, inklużi ż-żewġ partiti ta’ ħbiberija kontra Liechtenstein u Eswatini.
“Kuntenti wkoll li qabel din il-kompetizzjoni, dik tar-round ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja 2026, konna ġibna ħames punti u allura matul dawn l-aħħar sentejn għamilna progress u fuq kollox tejjibna l-konsistenza, li fil-veritá qatt ma rajna qabel … hekk kif qatt ma spiċċajna b’daqstant punti … fejn fil-kompetizzjoni preċedenti ma spiċċajniex l-aħħar u f’din il-kopetizzjoni temmejna fl-ewwel post.
“M’hemmx dubju, li kif dejjem emminna f’dak li huwa l-proċess għall-progress tat-team nazzjonali Malti, irridu nkomplu naħdmu biex nitjiebu f’kull livell … għax dik hija u se tibqa’ l-ambizzjoni tagħna … Forza Malta dejjem!”




