Mingħajr ma Malta kienet fl-azzjoni nhar il-Ġimħs, hija ġiet dikjarata rebbieħa ta’ Grupp 2 ta’ League D tal-UEFA Nations League hekk kif Ġibiltá, l-uniku team li seta’ jersaq lejn Malta fil-klassifika u jżomm it-tamiet tiegħu sal-aħħar partita, safa megħlub minn Andorra bl-iskor ta’ 2-0 biex dawn tal-aħħar qabżuhom fit-tieni post tal-klassifika.
U bl-unika partita li fadal, dik bejn Ġibiltá u Andorra, nhar it-Tnejn li ġej, il-Maltin ma jistgħux jintlaħqu meta għandhom 7 punti, segwiti minn Andorra (4) u Ġibiltá (2).
Iżda, bla dubju, il-Maltin se jinżlu għall-konfront kontra Ġibiltá biex ikomplu jissiġillaw posthom bħala rebbieħa tal-grupp u tad-diviżjoni … turija li t-team nazzjonali Malti miexi fid-direzzjoni l-ġusta.
Dan s-sit talab il-kummenti tal-president tal-Malta FA, Bjorn Vassallo, li esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan is-suċċess.
Huwa qal:
“Ninsabu kuntenti ħafna li spiċċajna fl-ewwel post ta’ dan il-grupp għax dan kien l-obbjettiv mill-bidu ta’ din il-kompetizzjoni.
“Issa rridu nħarsu lejn il-partita li jmiss li hija waħda importanti minħabba li tista’ tagħti opportunitá ta’ play-off għall-Euro 2028. Għaldaqstant, neżlin b’moral għoli biex nirbħu t-tliet punti u nilħqu l-għan tagħna.
“Dan is-suċċess ikompli jżid mar-realtajiet tal-football Malta u għalhekk ninsab sodisfatt ħafna. Dan is-suċċess huwa rifless tal-ħidma sfieqa li għamilna matul dawn l-aħħar xhur li, bla dubju, issarfet fil-wirjiet u r-riżultati pożittivi b’mod kostanti.
“Fil-partita ta’ nhar it-Tnejn li se tkun barra minn xtutna, se nilagħbu kontra team li jiddefendi fil-fond u allura jagħmilha diffiċli għall-avversarji biex isibu l-ispazji neċessarji. Iżda nemmen li għandna l-kwalitajiet biżżejjed bi players li kapaċi jadattaw skont l-esiġenzi u l-istruzzjonijiet li jingħataw mill-coach tagħna … u allura ninsabu ottimisti li nistgħu niksbu riżultat tajjeb f’din l-aħħar partita ta’ dan il-grupp.
“Naħseb li l-partita kontra Eswatini kienet test tajjeb għall-players tagħna kontra team motivat ħafna li lagħab fl-Ewropa għall-ewwel darba … bi players fiżikament b’saħħithom u atleti veloċi.
“Fl-ewwel taqsima, ir-ritmu ma kienx dak li stennejna iżda fit-tieni taqsima t-team tjieb ħafna fejn irnexxielna niskorjaw il-goal tad-draw u kellna diversi ċansijiet fejn stajna ħriġna rebbieħa.
“Iżda minbarra li din il-partita serviet bħala preparazzjoni għal kontra Ġibiltá, l-aktar ħaġa importanti kienet li l-ebda player ma sofra injury. Għaldaqstant, il-players kollha jinsabu fl-aqwa kundizzjoni tagħhom.
“U allura qed inħarsu ‘l quddiem biex immorru Ġibiltá u nieħdu l-massimu minn hemmhekk.”




