Il-players tar-Repubblika tal-Irlanda ddeċidew li jilagħbu kontra Iżrael fil-UEFA Nations League nhar il-Ħadd fl-Ungerija, minkejja l-kontroversja marbuta mal-kunflitt li għadu għaddej bejn Iżrael u Gaza.
Il-Kap Eżekuttiv tal-FAI, David Courell, ikkonferma li player wieħed irtira mill-iskwadra qabel il-partita, iżda vot fost il-plejers ta maġġoranza ċara favur li l-logħba ssir kif ippjanat.
Bħala ġest simboliku, il-players għandhom l-intenzjoni li jilbsu faxex suwed fuq dirgħajhom biex jonoraw lill-vittmi kollha tal-kunflitt. Barra minn hekk, se jagħmlu aktar inizjattivi kemm fil-partita kontra Iżrael kif ukoll fil-konfront ta’ ritorn li se jintlagħab fis-Serbja.
Il-partiti bejn iż-żewġ naħat kienu suġġett ta’ dibattitu kbir, b’kampanja msejħa “Stop The Game”, appoġġjata mill-grupp Irish Sport for Palestine, li sejħet biex il-logħob ma jsirx. Il-plejers ukoll talbu li ma jkollhomx obbligi mal-midja u se jagħtu parti sostanzjali mill-miżati tal-logħob tagħhom għal skopijiet ta’ karità.




