Tuesday, April 30, 2024

UEFA U/17 – Il-Maltin iċedu fit-tieni taqsima

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat – ritratt: Dominic Borg

Malta ……………0

Montenegro ….3

Malta sofriet it-tielet telfa minn daqstant partiti fil-mini tournament tar-round ta’ kwalfikazzjoni tal-Kampjonat Ewropew ta’ Taħt is-17-il sena, meta sfat megħluba mill-Montenegro bl-iskor ta’ 3-0.

Kienet rebħa meritata għall-Montenegro li ddomi­naw għal ħinijiet twal, bil-Maltin dehru neqsin mid-dixxiplina tattika speċjalment fid-difiża.

Wara bidu kwiet, fis-17-il minuta l-coach ta’ Malta, Ivan Woods, kellu jeffettwa sostituzzjoni sfurzata hekk kif weġġa’ Kian Vella biex minfloku daħal jilgħab is-sostitut Ivin Farrugia.

Fit-23 minuta, il-Montenegro tilfu cans tad-deheb li jiftħu l-iskor meta Luca Lecic kellu xutt salvat tajjeb mill-goalkeeper Malti, Dominic Vella, biex mir-rebound, Marko Tadic kellu xutt imblukkat mid-difiża Maltija.

Fit-43 minuta, il-benjamini tagħna kellhom ferħa bla temma  meta Zak Barbara għadda tajjeb lejn Ensell Attard li kellu daqqa ta’ ras mill-viċin tintemm fix-xibka iżda r-referee, Ion Olric, kien pront ħassar il-goal minħabba pożizzjoni ta’ offside.

Il-Maltin komplew jippressaw għall-goal u fil-45 minuta kienu sfortunati li meta cross-shot fil-baxx tas-sostitut Ivin Farrugia ħabat ma’ sieq il-lasta.

Fil-ftuħ tat-tieni taqisima, il-Montenegro ħarġu ferm aggressivi u fl-54 minuta fetħu l-iskor permezz ta’ xutt minn tarf il-kaxxa ta’ MILAN ROGANOVIC li ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper Malti jsalva.

Ħames minuti wara, Balsa Mrvaljevic falla ċans tad-deheb meta minn taħt il-lasta falla l-mira kompletament.

Iżda fil-61 minuta huma rduppjaw b’xutt sabiħ ta’ LUKA BUBANJA minn pożizzjoni angolat  bil-ballun jintemm fis-saqaf tax-xibka.

Il-Maltin wieġbu fil-81 minuta meta s-sostitut Sean Gatt minn pożizzjoni ferm ideali kellu x-xutt fil-baxx jiġi salvat mill-goalkeeper Petar Bobicic.

Iżda kienu l-Montenegro li ssiġillaw ir-rebħa fil-ħin miżjud bit-tielet goal permezz ta’ free-kick mill-isbaħ ta’ BALSA MRVALJEVIC eżatt minn tarf il-kaxxa.

MALTA: 1-Dominic Conroy Marcus Vella, 2-Andrea Apap Bologna (17, 3-Sven Xerri, 6-Kian Vella (4-Ivin Farrugia 17), 7-Lucas Caruana, 8-Kaiden Fenech (9-Sean Gatt 77), 10-Ensell Attard, 14-Myron Micallef, 15-Isaiah Chukunyere, 18-Kian Leonardi (13-Timothy Cachia, 19-Zak Barbara (11-Russell Caruana 77)   – Coach: Ivan Woods

MONTENEGRO: 1-Peter Bobi­cic, 2-Janko Vukiceveic, 4-Dragan Miranovic, 6-Romario Camaj, 7-Milan Roganovic (16-Nikola Radusinovic 91), 8-Luka Lecic, 9-Marko Tadic, 13-Tomislav Turovic (3-Luka Bubanja 46), 15-Marko Perovic (11-Nenad Krivokapic 82), 18-Vasilje Adzic (17-Andrija Skrobanovic 46), 19-Balsa Mrvaljevic  – Coach: Radiovan Kavaja

REFEREE: Ion Orlic (Maċedonja)

ASS. REFEREES: Anatolie Ba­siul (Moldova), Edgaras Bucinskas (Litwanja)

RABA’ UFF: Robertas Valikonis  (Litwanja)

SKORERS: M. Roganovic 54, L. Bubanja 61, B. Mrvaljevic 93 (Mn)

AMMONIT: L. Lecic, M. Tadic, M. Roganovic, D. Miranovic (Mn), S. Gatt, M. Micallef (Mt)

Sport