Uffiċjali ta’ korp dixxiplinat irċivew €1.22 miljun fi ħlasijiet skont kif imħabbar fil-budget, dan hekk kif inħareġ l-ewwel pagament li jkopri mill-1 ta’ Ottubru 2023 sal-aħħar ta’ Settembru 2024, pagament ta’ miżura oħra mwettqa mill-Gvern li tirrikonoxxi l-ħidma importanti li dawn il-ħaddiema jwettqu f’pajjiżna.
B’dawk li bbenefikaw minn din il-miżura, qegħdin jaħdmu snin addizzjonali fuq id-29 sena ta’ servizz u issa qegħdin igawdu minn dan il-ħlas li fuq erba’ snin huwa ekwivalenti għal sentejn paga u li huwa kkalkulat fuq is-salarju bażiku tal-grad li fih l-uffiċjal ikun iservi.
Ħaddiema li llum, b’emendi legali li għamel dan il-gvern, għandhom ukoll għażla – li jew jieħdu dan il-pagament fl-għeluq l-erba’ snin addizzjonali fuq id-29 sena ta’ servizz jew f’għeluq kull sena għal erba’ snin.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri qal li dan huwa investiment dirett fil-kundizzjonijiet tal-Korpi Dixxiplinati u fil-familji tagħhom u li dan huwa l-mod kif verament tirrikonoxxi ħidmithom. Irrimarka kif dawn il-ħlasijiet jikkumplimentaw tisħiħ ieħor li wettaq dan il-gvern fil-kundizzjonijiet tagħhom fosthom dak li wassal għat-titjib fil-pensjoni tas-servizz. Dan hekk kif issa qed titħaddem sistema ta’ pensjoni ta’ servizz miżjuda bi 23% għal dawk il-ħaddiema li jkunu rtiraw wara 29 sena ta’ servizz. Flimkien mat-tħaddim tal-qafas legali li bih kull ħaddiem li jkun wettaq servizz meritevoli u jkun kompla jservi fuq il-25 sena ta’ servizz, ikollu pensjoni tas-servizz assigurata, flimkien ukoll mat-tħaddim ta’ pensjoni tas-servizz għal romol ta’ ħaddiema fil-korpi dixxiplinati.
Ikkonkluda li hija din il-politika li jemmen fiha dan il-gvern, li jippremja l-bżulija billi jinvesti fil-ħaddiema. Bit-track record tal-Gvern jitkellem waħdu, b’dak li wiegħed illum m’għadux fuq il-karta imma qiegħed jagħmel differenza fil-ħajja ta’ dawn il-ħaddiema u tan-nies Maltin u Għawdxin hekk kif il-Korpi Dixxiplinati jsarrfu kundizzjonijiet aqwa f’servizz dejjem aħjar.