Friday, December 27, 2024

Uffiċjali tal-LESA jedukaw tfal dwar l-importanza tad-dixxiplina fit-toroq

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’attività li ttellgħet dalgħodu fl-Iskola Primarja Mater Boni Consilii St Joseph f’Raħal Ġdid, bl-isem “It-Triq fl-Iskola”, l-istudenti ngħataw aktar tagħrif mill-uffiċjali tal-aġenzija LESA dwar l-importanza ta’ kif inkunu aktar dixxiplinati fit-toroq. Din l-attività kienet waħda ta’ suċċess fejn it-tfal kienu entużjasti u pparteċipaw bi ħġarhom fiha tant li kien hemm min ikkummenta magħna u qalilna li din kienet l-isbaħ ġurnata li kellhom din is-sena. 

Talk.mt tkellem mal-Kap tal-Iskola Dr Kenneth Vella, li qalilna li bħala skola jagħmlu l-almu tagħhom biex matul is-sena joffru lit-tfal edukazzjoni ħolistika b’esperjenzi li mhumiex biss relatati mas-suġġetti akkademiċi mgħallma fil-klassi iżda anke kif sa minn ċkunithom it-tfal ikunu jistgħu jgħaqqdu dak li jitgħallmu fil-kotba mal-ħajja ta’ kuljum. 

Spjega li l-attività originat minn idea tal-għalliema tal-istess skola fil-kinder u l-ewwel snin tal-primarja fejn xtaq li tinħoloq attività li bis-saħħa tagħha t-tfal jitgħallmu kunċetti ta’ matematika u robotika fost l-oħrajn u jintegrawhom mar-regolamenti tat-traffiku u l-imġiba fit-toroq. 

“Minħabba f’hekk grazzi għal Pierre Vella, espert tal-qasam awtomobilistiku u li m’għandu bżonn ta’ ebda introduzzjoni flimkien mas-Sur Svetlick Flores CEO ta’ LESA, irnexxielna norganizzaw din l-attività li nista’ ngħid li kienet suċċess kbir,” qal Dr Vella. 

“Nirringrazzja lis-Sur Joseph Zerafa, mit-Taqsima tat-Taħriġ u l-Amministrazzjoni fi ħdan il-LESA, li kien magħna tul in-nofstanhar kollu, lill-assistent kap tiegħi Alexia Brincau u lill-edukaturi Renette Magro, Charlotte Zammit, Stephanie Saliba, Ben Mercieca, Donna Muscat, Rebecca Cassar, Clare Meilak u Katia Camilleri li ħadmu qatigħ ukoll biex l-attività tkun suċċess.”

“L-attività hija wkoll eżempju ta’ kif l-għalliema jistgħu jaħdmu f’team biex joħolqu attività tajba għall-ġid tal-istudenti. Barra dan din l-attività ikkumplimentat ukoll il-programm tal-iskola tagħna bħala parti minn Eko Skola fejn din is-sena waħda mit-temi li qegħdin naħdmu fuqha hija t-trasport b’mod sostenibbli. Ta’ min wieħed jinnota li matul is-sena nipprovaw noffru lill-istudenti diversi esperjenzi ohra stimolanti bħal lezzjonijiet ta’ robotika, esports fil-livell sekondarju, etikette, sessjonijiet ta’ mindfulness kemm waqt u wara l-hin tal-iskola u ma jonqsux ukoll l-attivitajiet sportivi,” temm jgħid Dr Vella. 

Min-naħa tiegħu, is-Sur Joseph Zerafa qalilna li bħala Aġenzija ilhom għal dawn l-aħħar snin imorru fl-iskejjel u jagħmlu kampanji differenti biex l-istudenti jitrawmu aktar dwar is-sigurtà fit-toroq li hija importanti ħafna. Huwa enfasizza wkoll dwar il ħarsien tar-regolamenti fosthom l-ilbies tal-helmets għal sewqan bir-rota, l-ilbies taċ-ċintorin tas-sigurtà fil-karozzi u li ma jintużax il-mobile waqt is-sewqan.

Ekonomija

Sport