Thursday, April 25, 2024

Uġigħ f’daharha jirriżulta li huwa tip ta’ kanċer rari

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Meta bint Hannah Potter semmiet uġigħ f’daharha, l-omm ħasbet li ċ-ċkejkna kienet ġibdet xi muskolu.

Iżda wara biss ftit ġimgħat Flo bilkemm setgħet tqum minn fuq is-sufan jew timxi mingħajr assistenza. L-omm fl-Ingilterra tkellmet dwar kemm bintha kienet attiva fiżikament tant li dejjem kienet tixxabbat mas-siġar u attivitajiet oħrajn li skonthom kienu r-raġuni wara dak l-uġigħ li semmiet.

Wara ftit jiem, iċ-ċkejkna Flo baqgħet issemmi l-uġigħ u għalhekk il-ġenituri kkuntattjaw lit-tobba. Sfortunatament huma ma setgħux jaraw tabib minħabba s-sitwazzjoni allarmanti tal-pandemija fil-pajjiż.

It-tobba ssuġġerew li l-omm terġgħa ċċempel f’każ li l-uġigħ iżid u hekk għamlet fil-ġimgħa ta’ wara. Meta rċeviet l-aħbar li l-appuntament fiżiku ma kienx possibbli, l-omm għażlet li tieħu lil bintha fi sptar f’Tamworth. It-tobba ripetutament qalulha li kienet qiegħda tgħaġġibhom u minħabba li kellha fiduċja fis-sistema tas-saħħa, emmnet il-verżjoni tal-professjonisti.

Aktar tard l-istess tobba susspettaw li s-sitwazzjoni kienet xi ftit aktar serja u għalhekk għażlu li jagħmlu aktar testijiet mediċi. Dawn irriżultaw fl-aħbar li l-omm qatt ma kienet qiegħda tistenna li tisma’… bintha kellha neurolastoma; kanċer rari li jibda miċ-ċelloli tan-nervaturi.

Flo bdiet it-terapija minn l-għada tal-aħbar u ma damitx ma bdiet titlef xagħarha. Kien għalhekk li ommha għażlet li tqaxxar tagħha wkoll sabiex tgħin lil bintha taċċetta dan il-proċess.

It-terapija mhijiex waħda faċli u fl-età ta’ sitt snin Flo qiegħda tingħata ħames tipi differenti ta’ kimoterapija biex tikkumbatti kontra madwar 100 post li fihom qiegħed jattakka dan il-kanċer, inkluż fl-għadam u f’wiċċha.

Teżisti tilqima fi New York li tista’ tgħin biex Flo tegħleb dan il-kanċer u minħabba li din tiswa’ £250,000 nħoloq kont bankarju biex jgħin lil din il-familja. Fi ftit jiem is-somma nqabżet u l-omm filwaqt li rringrazzjat lil dawk kollha li taw, ikkonfermat li l-flus li nġabru u li mhumiex se jintużaw għall-kura ta’ Flo se jgħadduhom lill-karità.

Sport