Thursday, March 28, 2024

Eluf jipprotestaw fi Franza kontra l-introduzzjoni ta’ pass ġdid tal-Covid

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-awtoritajiet Franċiżi qalu li aktar minn 105,000 persuna ħadu sehem fi protesti madwar il-pajjiż kontra l-introduzzjoni ta’ pass ġdid tal-Covid.

Abbozz ta’ liġi ġdid mistenni jipprojbixxi lil dawk mhux imlaqqma mill-ħajja pubblika. Id-dimostranti fil-kapitali Pariġi żammew kartelluni li fuqhom kien hemm miktub “le għall-passes tal-vaċċin.”

Uffiċjali mill-Ministeru tal-Intern qalu li 34 persuna ġew arrestati filwaqt li kien hemm 10 uffiċjali tal-pulizija li sofrew xi ġrieħi wara li l-protesti saru vjolenti f’ċertu postijiet. 

L-abbozz ta’ liġi, li għadda mill-istadju tal-ewwel qari fil-Parlament Franċiż il-Ħamis li għadda, se jneħħi l-għażla li jintwera test negattiv tal-Covid sabiex jinkiseb aċċess għal għadd ta’ postijiet pubbliċi. Minflok, in-nies se jkollhom jitlaqqmu b’mod sħiħ sabiex ikunu jistgħu jżuru bars u ristoranti fost oħrajn.

Il-gvern Franċiż qed jistenna li r-regoli l-ġodda jidħlu fis-seħħ mill-15 ta’ Jannar, għalkemm is-Senat, li huwa ddominat mill-oppożizzjoni, jista’ jtawwal dan il-proċess.

Is-Sibt li għadda, id-dimostranti akkużaw lill-gvern li qed jirfes fuq il-libertajiet tagħhom u li mhux jittratta liċ-ċittadini b’mod ugwali. 

Ekonomija

Sport