Friday, January 17, 2025

Uġigħ Mistur – Kapitlu Tlettax ft. Jessica- “Imħabbti dejjem tikber aktar jum wara jum.”

Aqra wkoll

Matul is-sena 2024, Kapitlu Tlettax irnexxielhom joħolqu sensiela ta’ kanzunetti ta’ mħabba u dediki speċjali, li mhux biss għoġbu l-pubbliku iżda wkoll kisbu ammirazzjoni għall-kreattività u l-profondità tal-messaġġi tagħhom. Illum, 20 ta’ Diċembru 2024, il-grupp qiegħed iniedi l-ħames kanzunetta oriġinali għal din is-sena, Uġigħ Mistur

Din is-silta tispikka bħala storja ta’ ringrazzjament sinċier u profond minn raġel lejn martu, li minkejja l-intoppi u l-uġigħ li għaddiet minnhom matul ħajjitha, xorta rnexxielha trabbi familja mimlija mħabba u għożża.

Skont Joseph Mario Calleja, l-awtur ta’ Uġigħ Mistur, “Il-kanzunetta titkellem dwar il-mara u l-mumenti kiefra li hi għaddiet minnhom, l-uġigħ li hi tħoss ta’ kuljum, l-uġigħ li hi tipprova taħbi biex ma tkunx ta’ piż għall-għeżiez tagħha.” 

Il-kanzunetta Uġigħ Mistur tfakkar lis-semmiegħa u lis-segwaċi dwar l-importanza tal- apprezzament u l-mħabba lejn dawk li jkunu magħna tul il-vjaġġ tagħna fil-ħajja.

Din il-kanzunetta tkompli frott kollaborazzjoni ġdida bejn Kapitlu Tlettax u l-vuċi ta’ Jessica, li issa qegħdin jaħdmu flimkien għat-tieni darba wara s-suċċess ta’ Għidli Min. Jessica, li dehret ukoll fil-Malta Eurovision Song Contest aktar kmieni din is-sena, hija kuntenta li reġgħet ħadmet mal-grupp: “għalija huwa dejjem unur li naħdem ma’ Kapitlu Tlettax. Din il-kanzunetta hija speċjali għax titkellem dwar il-forza moħbija fl-għeżież li jinsabu madwarna qalb l-istorbju tal-ħajja.”

Għal Kapitlu Tlettax, din hija l-ħames kanzunetta li temmet sena mimlija suċċessi, wara Lilek Biss, Rita, Għidli Min u Narċissista, kanzunetti li laħqu eluf ta’ segwaċi fuq il-midja soċjali u kisbu suċċess f’diversi klassifiki lokali. Ir-rilaxx ta’ Uġigħ Mistur huwa akkumpanjat minn vidjo mużikali maħdum minn Memorabilia Films, produzzjoni emozzjonali u estetikament sabiħa li tista’ tiġi segwita fuq il-pjattaformi diġitali kollha: Facebook u YouTube. Ħajr lil Ironic PR & Artist Management għas-sapport kontinwu fir-relazzjonijiet pubbliċi u l-promozzjoni.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport