Friday, December 13, 2024

Ukrena u Russa jżommu s-salib flimkien fil-Via Crucis ta’ Ruma

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Aktar minn 10,000 ruħ li lbieraħ filgħaxija nġabru barra l-Kolossew f’Ruma talbu mal-Papa Franġisku għall-paċi fid-dinja, filwaqt li mara Ukrena u Russa żammew salib flimkien matul il-Mixja tas-Salib.

Il-Papa kien talab lill-familji biex jiktbu serje ta’ talb u riflessjonijiet għall-14-il stazzjon ibbażati fuq l-esperjenzi attwali tagħhom li jirrappreżentaw is-“slaleb” diffiċli fil-ħajja, bħat-telf ta’ membru tal-familja, infertilità, mard u diżabilità kif ukoll migrazzjoni, iżda li wkoll ifittxu t-tama fil-fidi tagħhom.

It-13-il stazzjon — Ġesù jmut fuq salib — irrifletta fuq it-traġedja tal-mewt, it-telfa u l-gwerra b’riflessjoni miktuba minn familja Ukrena u Russa.

Il-meditazzjoni, li ġiet ippubblikata ftit jiem qabel l-avveniment, qalet li jaraw “Mewt kullimkien” u l-familji jistaqsu, “Fejn int, Mulej?… Irridu ħajjitna lura bħal qabel…. X’ħażen għamilna?”

“Aħna nafu li inti tħobbna, Mulej, imma din l-imħabba ma nħossuhix, u toħodna lejn id-disprazzjoni,” qalet il-meditazzjoni miktuba minn qabel, li tispiċċa b’appell li Alla “jgħallimna nkunu dawk li jġibu l-paċi, aħwa u nisa, u biex nerġgħu nibnu dak li l-bombi ppruvaw jeqirdu.”

Madanakollu kien hemm bidla fil-pjanijiet fir-rigward tal-meditazzjoni li għandha tinqara, żvelata qabel mill-Vatikan, fejn ġiet eliminata kompletament u ġie deċiż li tinbidel f’sentenza waħda.

“Quddiem il-mewt, is-skiet huwa l-aktar kelma elokwenti. Ejjew għalhekk nibqgħu fis-skiet tat-talb u biex kull wieħed, f’qalbu, jitlob għall-paċi fid-dinja.”

Minkejja l-kontroversja li nqalgħet, is-salib xorta nżamm minn mara Ukrena u Russa. Iż-żewġ nisa ltaqgħu u saru ħbieb waqt li kienu qed jistudjaw biex isiru infermiera u jaħdmu f’kampus tal-università medika ta’ Ruma. Huma kienu qalu lil ‘Vatican News’ li ħbiberiji bħal dawn kienu komuni u ħafna familji huma magħmula miż-żewġ nazzjonalitajiet.

Il-gwerra “hija traġedja li tolqot liż-żewġ persuni. Jien ċerta li la l-poplu Ukren u lanqas il-poplu Russu ma jridu din il-gwerra. Kulħadd irid ħajja normali,” qalet Iryna, li hija mill-Ukrajna.

Il-Via Crucis, ippreseduta mill-Papa Franġisku, reġgħet lura fil-Kolossew ta’ Ruma wara sentejn ta’ restrizzjonijiet minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

Ekonomija

Sport