Uffiċjal Ukren, Petro Yatsenko, esprima t-tamiet li jsir skambju ta’ priġunieri mar-Russja fi tmiem din is-sena, iżda wissa’ li n-negozjati biex dan iseħħ għadhom ‘il bogħod minn qrib. Fl-2024, saru biss 10 skambji – l-inqas ammont minn meta bdiet l-invażjoni fuq skala kbira. Filwaqt li l-Ukrajna ma tiżvelax kemm priġunieri tagħha jinsabu f’idejn ir-Russja, hu maħsub li hemm aktar minn 8,000 persuna. Ir-rebħiet militari tar-Russja fl-2024 qajmu biża’ li qed jiżdiedu n-numri ta’ priġunieri Ukreni maqbudin.
Wieħed mill-aħħar priġunieri rilaxxati, Andriy Turas, inħeles f’Settembru li għadda wara li għamel aktar minn sentejn priġunier. Hu u martu Lena, li wkoll kienet priġuniera, irrakkontaw esperjenzi orribbli – inklużi t-tortura u l-abbuż fiżiku u psikoloġiku – hekk kif ir-Russi pruvaw jeqirdu l-identità Ukrena tagħhom. Meta nħeles, Andriy ltaqa’ għall-ewwel darba ma’ ibnu Leon ta’ sentejn minħabba li Lena skopriet li kienet tqila waqt li kienet miżmuma.
L-istejjer tagħhom jikkorrispondu mar-rapporti ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali li ddokumentaw tortura sistematika fuq priġunieri Ukreni minn naħa tar-Russi. Filwaqt li r-Russja ċaħdet dawn l-akkużi, in-NU rrappurtat trattament inuman bħal xokkijiet elettriċi u eżekuzzjonijiet finti.
F’dawn il-ġranet ta’ festi, ħafna familji Ukreni sfortunatament għadhom jistennew b’ansjetà xi forma ta’ aħbar dwar il-maħbubin tagħhom li għadhom neqsin. F’dimostrazzjoni f’Ċentru Kyiv, qraba ta’ priġunieri tal-gwerra talbu għall-ħelsien tagħhom. Fosthom kien hemm Liliya Ivashchyk, ballerina li l-għarus tagħha Bohdan inqabad fl-2022 u ma kellha l-ebda kuntatt miegħu minn dakinhar. Minkejja dan, tibgħatlu messaġġi kuljum bit-tama li jerġgħu jiltaqgħu.