Monday, May 13, 2024

Ulied Diana ma jridux li Camilla tingħata t-titlu ta’ reġina

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Prinċipijiet William u Harry joġġezzjonaw ma’ missierhom għax it-titlu bi dritt kellu jkun ta’ ommhom…

Ir-relazzjoni bejn il-Prinċep Karlu u Camilla, id-Dukessa ta’ Cornwall, hija waħda mill-aktar skandli li ġibdet attenzjoni għal ħafna snin. Il-koppja kellhom relazzjoni extrakonjugali meta Karlu kien għadu miżżewweġ mat-tant maħbuba – il-Prinċipessa Diana. Il-prinċep Karlu u Camilla minkejja l-oppożizzjoni, komplew bir-relazzjoni tagħhom anke fl-aħħar snin ta’ ħajjet Diana. Din ir-relazzjoni illeċita kienet litteralment kissret lill-Prinċipessa tal-Qlub u eventwalment iż-żwieġ irjali bejnha u bejn l-eredi tat-tron, il-Prinċep Karlu, sfaxxa kompletament.

Sentejn wara l-mewta traġika ta’ Diana f’inċident ikrah tat-traffiku f’Pariġi lura fl-1996, Charles u Camilla bdew ikunu flimkien bħala koppja uffiċjali. Bil-għan li ma jweġġax liż-żewġt ulied minn Diana – il-prinċipijiet William u Harry li kienu għadhom żgħar – Charles dam biex iżżewweġ lil Camilla. Fil-fatt huwa stenna sakemm iż-żewġ subien saru adulti biex fl-aħħar ħa b’martu lil Camilla.

Iżda, waħda mill-akbar differenzi fit-tieni mara tal-Prinċep Karlu hija dik li Camilla m’għandhiex it-titlu ta’ prinċipessa, mentri Diana kellha. Fil-fatt jingħad li dan huwa minħabba li Camilla stess għażlet li tirrispetta l-memorja ta’ Diana u minflok għażlet it-titlu ta’ dukessa.

Issa li Charles huwa mistenni li jieħu postu fuq it-tron Ingliż, it-titli tal-membri tal-familja rjali mistennija jinbidlu kollha. Minkejja dan, it-titlu li Camilla mistennija li tieħu huwa dak ta’ “Prinċipessa Konsorti” u mhux “Reġina Konsorti”. Din tal-aħħar huwa t-titlu li s-soltu jingħata meta r-raġel isir re. 

Minn rapport ippubblikat fuq id-“Daily Mail” jingħad li Karlu esprima x-xewqa li dan ma jkunx il-każ u talab biex martu tingħata t-titlu ta’ reġina. Iżda, la Harry u lanqas William, ma jridu li Camilla tieħu dan it-titlu li suppost, bi dritt, kien jingħata lil ommhom Diana.

Mal-għerusija uffiċjali bejn Karlu u Camilla fl-1995 fi stqarrija l-Palazz kien immedjatament iddikjara li Camilla se tieħu t-titlu ta’ HRH id-Dukessa ta’ Cornwwall. Kien ikkjarifikat li minħabba li l-Prinċep Karlu kien l-eredi wara r-Reġina Eliżabetta, “hemm il-ħsieb li s-Sinjura Parker Bowles tingħata t-titlu ta’ HRH il-Prinċipessa Konsorti” meta l-Prinċep ta’ Wales jieħu postu fit-tron. 

Minkejja dan, aktar ma qiegħed jagħfas iż-żmien biex Karlu jsir re, aktar dan tal-aħħar qiegħed jipprova jikkonvinċi lil uliedu biex Camilla tieħu t-titlu ta’ reġina. Minkejja l-insistenza, iż-żewġ subien huma rrapportati li qegħdin jirrifjutaw b’saħħa.

L-awtur għall-familja rjali, Robert Lacey, sostna li l-missier qiegħed jinsisti li wliedu jaċċettaw lil Camilla tant li qiegħed “jiffissa” fuq dan il-punt. Lacey jemmen li l-prinċipijiet qatt m’huma se jaċċettaw din il-proposta. Dan għax ikun qiegħed jimtela’ vojt li oriġinarjament kellu jkun okkupat mill-għażiża ommhom, Diana.

Sport