Malta …….1
Estonja ….1
Minn Cristian Muscat
F’partita ta’ ħbiberija, it-team nazzjonali ta’ Taħt il-21 sena temm fi draw ta’ 1-1 ma’ dak tal-Estonja, fis-Centenary Stadium.
Din il-logħba mmarkat ukoll id-debutt tal-coach Taljan, Davide Mazzotta, fit- tmexxija tat-team.
Dan il-konfront serva bħala preparazzjoni għar-round ta’ kwalifikazzjoni tal-Kampjonat Ewropew liema grupp jinkludi lill-Ġermanja, Georgia, il-Greċja, l-Irlanda ta’ Fuq u l-Latvja.
Kienu l-Maltin li ħolqu l-ewwel periklu fis-16-il minuta meta Andrew Borg ra x-xutt tiegħu salvat mill- goalkeeper Nomm Ott.
Erba’ minuti wara, minn azzjoni ta’ corner Keyon Ewurum kellu d-daqqa ta’ ras mill-viċin tintemm ftit barra.
Iżda mill-azzjoni li segwiet, minuta biss wara, kienu l-Estonja li fetħu l-iskor meta Sander Tovstik għadda lejn KAREL MUSTMAA li minn qagħda angolata u permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ ġewwa.
Madankollu, il-Matlin wettqu reazzjoni mill-aqwa u fl-24 minuta meritatament għamlu l-iskor indaqs meta wara li rċieva minn corner ta’ Agius, KEYON EWURUM kien fil-post it-tajjeb fil-mument opportun u permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiża mill-viċin tefa’ ġewwa.
L-Estonja resqu qrib li jerġgħu imorru fil-vantaġġ fid-29 minuta meta Sillamaa kellu xutt b’saħħtu salvat tajjeb mill-goalkeeper, Hugo Sacco.
Fl-40 minuta, l-Estonja reġgħu resqu viċin li jmorru fil-vantaġġ meta xutt ta’ Luts ħareġ l-aħjar ta’ Sacco li salva parzjaslment u mir-rebound Siht xeħet inkredibbilment barra.
Il-Maltin wieġbu żewġ minuti wara u tilfu opportunitá tad-deheb meta Bridgman kellu xutt sabiħ li ġie salvat minn Ott, b’dan ikun l-isbaħ save tal-loghba.
Erba’ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, l-Estonja heddew b’xutt tas-sostitut Filatov. Fis-56 minuta konklużjoni mill-viċin ta’ Oskar Hoim għaddiet għoli.
Fis-77 minuta, l-Estonja fallew il-goal tar-rebħa meta d-difiża Maltija nqabdet fuq sieq waħda iżda Karel Eerme xeħet barra minn pożizzjoni ferm ideali.
Malta wieġbet fis-86 minuta permezz ta’ free-kick fil-baxx ta’ Zak Barbara u żewġ minuti wara, Leonardi laqat il-ballun ħażin biex iċ-ċans intilef.
MALTA: 12-Hugo Sacco, 3-Mattias Ellul (21-Zak Barbara 46) 4-Ging Finley, 6-Andrew Borg (17-Aiden Zammit 46), 8-Keyon Ewurum (10-Daniel Letherby 46), 9-Nicholas James Agius (14-Kian Leonardi 57), 11-Nathan Cross, 16-Jake Micallef (7-Isaiah Chukunyere 46), 18-Alfie Bridgman (22-Sean Gatt 57), 19-Benjamin Hili (13-Matteo Gambin 84), 20-Jake Grech (2-Kean Scicluna 46) – Coach: Davide Mazzotta
ESTONJA: 1-Nomm Ott, 2-Sander Tovstik (3-Aleksander Filatov 46), 4-Andreas Vaner (10-Maksim Kalimullin 57), 5-Laurits Ounpuu (11-Karel Eerme 57), 6-Oskar Hoim (13-Jegor Zuravljov 75), 7-Daniel Luts (16-Herman Pedmanson 75), 8-Rommi Siht (17-Kristjan Kriis 57), 9-Ramol Sillamaa (18-Robert Veering 46), 14-Karel Mustmaa (19-Kristoffer Kait 46), 15-Mihhail Kolobov (20-Hugo Palutaja 75), 21-Tony Varjund (24-Taavi Jurisoo 57) – Coach: Jani Sarajarvi.
REFEREE: Trustin Farrugia Cann
ASS. REFEREES: Luke Portelli, Mark Ciantar
RABA’ UFF: Daniel Casha
SKORERS: K. Mustmaa 21 (E), K. Ewurum 24 (M)
AMMONITI: S. Tovstik, K. Kait (E), A. Zammit (M)