Monday, May 13, 2024

Under 21: Malta megħluba mil-Litwanja f’partita ta’ ħbiberija

Aqra wkoll

Malta………………1

Litwanja………….2

F’partita ta’ ħbiberija li ntlagħbet fit-Tony Bezzina Stadium f’Kordin, it-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena safa megħlub bl-iskor ta’ 2-1 mil-Litwanja. Kienet wirja ferm iktar pożittiva għall-Maltin minn dik ta’ nhar il-Ħamis li għadda li fiha l-huma sfaw megħluba bl-iskor ta’ 2-0 mill-Kazakstan. Dan hekk kif dehru tattikament organizzati fil-ground u urew dixxiplina f’kull dipartiment.  

Dan il-konfront immarka l-aħħar impenn għal din is-sena kalendarja għat-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena.

Kienu l-Litwanja li fetħu l-iskor proprju fl-ewwel azzjoni perikoluża li ħolqu fil-11-il minuta meta ARMANDAS KUCYS venven xutt minn tarf il-kaxxa li ma ta l-ebda ċans lill-goalkepper Malti, Matthias Debono.

Malta wieġbet fit-28 minuta meta Karl Mohnani xeħet cross lejn Mattia Veselji li kellu t-tentattiv tiegħu minn ġol-kaxxa jintemm ftit barra. 

Il-Litwani reġgħu ħolqu l-periklu fit-33 minuta meta wara li rċieva minn azzjoni ta’ corner, Nojus Stankevicius, kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu minn taħt il-lasta tintemm ftit għoli.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, il-Maltin ħarġu ferm aggressivi u fis-57 minuta ġabu l-iskor indaqs meta minn freekick tal-captain Andrea Zammit, Kristupas Kersys, bir-ras tefa’ fil-lasta tiegħu stess, biex b’hekk irriżulta auto-goal sfortunat.

Huma komplew fuq l-offenisva u fit-68 minuta, wara li rċieva minn azzjoni ta’ freekcik, Jake Engerer, minn pożizzjoni ferm ideali kellu x-xutt tiegħu salvat f’corner bi bravura mill-goalkeeper tal-Litwanja, Rimvydas Kiriejevas.

Madankollu, fil-71 minuta, kontra x-xejra tal-logħob, wara li rċieva minn cross mix-xellug, is-sostitut DOVYDAS ZALA, li kien ilu biss erba’ minuti fil-ground, kien fil-post it-tajjeb fil-mument opportun u b’xamma kbira għall-goal, mill-viċin tefa’ ġewwa.

U biex l-affarijiet ikomplu ġejjin ħażin għall-Maltin, fit-73 minuta, huma spiċċaw jilagħbu b’10 players meta tkeċċa għalihom il-player ta’ Mosta, Jake Vassallo, permezz ta’ karta ħamra diretta.

Mill-freekick li rriżulta wara din it-tkeċċija, it-tentattiv insidjuż ta’ Kersys Krsystipas għadda ftit għoli.

Il-Litwani komplew jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita.

Malta U21: 1-Matthias Debono, 4-Jake Vassallo, 5-Matthew Ellul (21-Deacon Abela 90), 6-Karl Monanai (13-Nikolai Micallef 78), 7-Mattia Veselji (17-Gianluca Sciberras 76), 9-Jake Engerer, 11-Aleandro Garzia, 16-Jake Micallef, 18-Andrew Borg (15-Shaisen Attard 90), 20-Kurt Bondin, 22-Nathan Agius (10-Andrea Zammit 46) Coach: Ivan Woods

Litwanja U21: 1-Kiriejevas Rimvydas, 2-Stankevicius Nojus, 3-Baltrunas Zygimantas, 4-Kersys Kristupas, 6-Tutsyinas Artemijus, 9-Kucys Armandas, 10-Buzas Titas (7-Dovydas Zala 67), 11-Dovudiatis Deividas, 17-Daniel Misiunas (8-Dominykas Stankevicius 67), 20-Ernestas Bundzilauskas (14-Karlos Zebrauskas 46), 23-Eridanas Baguzas (19-Nojus Luksys 67) Coach: Toams Razanauskas

Referee: Darryl Agius

Ass. Referees: Kurt Saliba, Robert Curtis

Raba’ Uffiċjal: Ezekiel Barbara

Skorers:K. Armandas 11, D. Zala 71 (L), K. Kristupas 57 (M)

Tkeċċa: J. Vassallo 73 (M)

Ammoniti: M. Veselji (M), D. Deividas, N. Stankevicus, K. Zebrauskas (L)

Sport