MALTA………………….1
ĠERMANJA…………… 4
Minn Cristian Muscat
F’partita mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew 2027, it-team nazzjonali Malti safa megħlub mill-qawwa tal-Ġermanja bl-iskor ta’ 4-1, bil-Maltin li saħansitra kienu huma li fetħu l-iskor wara biss disa’ minuti permezz ta’ Basil Tuma.
Kif jindika l-iskor, wieħed seta’ jara d-differenza tal-livell taż-żewġ timijiet hekk kif l-avversarji ddominaw għal ħinijiet twal.
Kienu l-Ġermanja li ħolqu l-ewwel periklu li wasal fil-ħames minuta meta xutt fil-baxx mid-distanza tal-captain Nicolo Tresoldi ġie salvat minn mal-art b’diffikultá mill-goalkeeper Malti, Liam Frendo.
Madankollu kienu l-Maltin li fetħu l-iskor erba’ minuti wara meta BASIL TUMA rebaħ ballun f’nofs il-ground, avvanza tajjeb u permezz ta’ xutt fil-baxx kważi minn tarf il-kaxxa ma ħafirx.
Iżda, il-Maltin bilkemm kellhom ċans jifirħu b’dan il-goal li l-Ġermanja ma ġabux l-iskor indaqs, fil-11-il minuta, meta l-ewwel Leandro Morgalla kellu x-xutt minn pożizzjoni angolata jaħbat mal-wieqfa, u mir-rebound pront kien NICOLO TRESOLDI li mill-viċin tefa’ ġewwa.
Dan il-goal ipprovda injezzjoni morali lill-Ġermanja u fil-21 minuta, l-iskorer prolifiku ta’ Monaco, Paris Brunner, kellu t-tentattiv tiegħu jintemm ftit għoli.

Huma komplew fuq l-offensiva u fit-32 minuta qalbu l-iskor favurihom meta Mert Kolmur mill-viċin ra lil Frendo jsalva parzjalment, u mir-rebound TOM ROTHE bir-ras xeħet fix-xibka, b’din tkun it-tieni darba li l-Ġermaniżi rnexxielhom isibu l-goal minn rebound.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, il-Ġermanja komplew fejn ħallew qabel il-mistrieħ u fis-47 minuta skorjaw it-tielet goal meta wara li rċieva minn azzjoni ta’ corner, NICOLO TRESOLDI, wara li żgiċċa mill-markatura ta’ Kean Scicluna, kien fil-post it-tajjeb fil-mument opportun, u permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiża mill-viċin tefa’ ġewwa.
Fit-58 minuta, il-Ġermaniżi fallew ċans tad-deheb li jiskorjaw ir-raba’ goal meta Paris Brunner xeħet cross insidjuż li sab lil Dzenan Pejcinovic u minn pożizzjoni ideali, it-tentattiv bir-ras intemm ftit barra.
Iżda, fid-69 minuta, huma ma kellhomx jiġu mċaħħda meta NICOLO TRESOLDI bi free-kick mill-isbaħ spara l-ballun fir-rokna tax-xibka, biex b’hekk kompla jirriżulta bħala l-eroj fost sħabu, hekk kif irreġsitra hat-trick personali.
U bil-partita mirbuħa u mitlufa, il-Ġermanja komplew jamministraw il-vantaġġ komdu li kellhom sa tmiem il-partita.
Malta: Liam Frendo, Deacon Abela, Kean Scicluna, Sven Xerri, Jake Grech (Kaiden Fenech 67), Trezeguet Zammit (Shaisen Attard 46), Jake Micallef, Bjorn Buhagiar (Andrew Borg 80), Alfie Bridgman (Brooklyn Borg 46), Matteo Gambin (Benjamin Hili 89), Basil Tuma – Coach: Davide Mazzotta
Ġermanja: Max Welb, Leandro Morgalla (Arjon Ibrahimovic 72), Nicolo Tresoldi, Mert Kolmur (Wael Mohya 64), Dzenan Pejcinovic (Noah Darvich 64), Tom Rothe, Karim Coulibaly, Noahkai Banks (Joshua Quarshie 77), Aljoscha Kemlein, Paris Brunner, Francis Onyeka (Laurin Ulrich 46) – Coach: Antonio Di Salvo
Referee: Ozan Ergun (Turkija)
assistenti: Bersan Duran, Bahtiyar Birinci (Turkija)
Raba’ Uff.: Davut Dakul Celiki (Turkija)
Skorers: B. Tuma 9 (M), N. Tresoldi 11, 47, 69, T. Rothe 32 (Ġ)
Ammoniti: F. Onyeka, T. Rothe (Ġ); T. Zammit, B. Tuma (M)





