Wednesday, December 25, 2024

Under 21: Telfa kbira għal Malta

Aqra wkoll

Malta …………..1

Slovakkja ……..4

F’partita ta’ ħbiberija li ntlagħbet f’Tony Bezzina Stadium, it-team nazzjo­nali Malti ta’ Taħt il-21 sena safa megħlub minn dak tas-Slovakkja bl-iskor ta’ 4-1.

Kif jindika r-riżultat, l-avversarji tagħna kienu dominanti iżda fit-tieni taqsima l-Maltin għamlu reazzjoni u ġew ippremjati permezz ta’ goal.

Peró wieħed seta’ jinnota d-differenza tal-livell li je­żisti bejn iż-żewġ timijiet.

Is-Slovakki għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari u wara biss erba’ minuti fetħu l-iskor meta l-goalkeeper, Matthias Debono, laqa’ parzjalment xutt mill-viċin biex mir-rebound DOMI­NIK VESELOVSKI spara ġewwa.

Huma komplew fuq l-offensiva u fid-19-il minuta xutt fil-baxx ta’ Roman Ce­repkai  mid-distanza ġie salvat mingħajr wisq diffikultá minn Debono.

Is-Slovakki komplew jiddominaw u, fit-28 minuta, resqu viċin li jirduppjaw meta minn azzjoni ta’ free-kick, Veselovski bir-ras falla l-mira bi ftit. 

Il-Maltin wieġbu għall- ewwel darba, fit-33 minuta, meta Basil Tuma ħoloq l-ispazju għal Mattia Veselji, li kellu l-konklużjoni tiegħu mid-distanza tintemm barra.

L-avversarji tagħna reġ­għu ħolqu l-periklu erba’ minuti wara meta Adam Tucny kellu xutt minn barra l-kaxxa jiġi salvat tajjeb minn Debono.

Minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima, is-Slovakki rduppjaw meta Samuel Kopasek avvanza tajjeb, xeħet cross għan-nofs li sab lil ADAM TUCNY li b’sidru minn taħt il-lasti kompla l-ballun għal ġewwa.

Madankollu, fil-55 minuta, il-Maltin naqqsu l-mar­ġni tal-iskor meta MATTIA VESELJI kkonkluda mill-cross ta’ Basil Tuma.

Iżda, fis-67 minuta, is- Slovakki reġgħu fetħu vantaġġ ta’ żewġ goals meta minn ballun mitluf, is-sostitut Artur Gajdos irnex­xielu jitfa’ l-ballun fix-xibka. 

Wara li Carlo Zammit Lonardelli falla ċans faċli minn taħt il-lasti, fil-ħin miż­jud is-Slovakki skorjaw ir-raba’ goal permezz ta’ NINO MARCELLI.

Peró dan il-konfront ġie mtappan bi tkeċċija fuq kull naħa meta fil-ħames minuta tal-ħin miżjud, Jake Vassallo għal Malta u Filip Mielke għas-Slovakkja,   intwerew it-tieni karta safra.

MALTA: 1-Matthias Debono, 2-Zean Leonardi (Brookyln Borg 69), 3-Owen Spiteri (13-Nikolai Micallef 89), 4-Jake Vassallo, 7-Mattia Veselji (6-Karl Mohnani 69), 8-Dylan Scicluna (16-Jake Micallef 89), 11-Aleandro Garzia (21-Daniel Letherby), 15-Kurt Briffa (10-Andrea Zammit 83), 18-Andrew Borg (5-Matthew Ellul 46), 19-Basil Tuma, 20-Kurt Bondin (9-Jake Engerer 68)  – Coach: Ivan Woods

SLOVAKKJA: 23-Tomas Fruhwald, 2-Tomas Jasso, 4-Martin Gomola (5-Dominik Javorcek 61), 6-Adam Gazi (16-Alexander Selecky 46), 8-Martin Svidersky (7-Artur Gajdos 61), 9-Roman Cerepkai (19-Timotej Jambor 61), 11-Adam Tucny (18-Nino Marcelli 46), 15-Filip Mielke, 20-Dominik Veselovsky, 21-Samuel Kopasek (17-Adrian Kapralik 61), 22-Jan Murgas   – Coach: Jaroslav Kentos

REFEREE: Fyodor Zammit

ASS. REFEREES: Mark Ciantar, Max-Lee Muscat

RABA’ UFF: Daniel Casha

SKORERS: D. Veselovski 4, A. Tucny 44, A. Gajdos 67, N. Marcelli 92 (S), M. Veselji 55 (M)

AMMONITI: J. Vassallo, D. Letherby, J. Vassallo (2) (M), F. Mielke (2) (S)

TKEĊĊEW: J. Vassallo 95 (M), F. Mielke 95 (S)  

Ekonomija

Sport