Saturday, December 21, 2024

Uniformi ġdida għall-Pulizija mis-sena d-dieħla

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’konferenza stampa bit-tema “Malta li rridu għal uliedna”, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri qal li fil-Korp tal-Pulizija twettqu bidliet kbar u dan anke abbażi tal-istrateġija ta’ trasformazzjoni li ġiet ippubblikata sena ilu u li qiegħda tiġi implimentata.

Il-Ministru Camilleri qal li l-pass li jmiss huwa li jkun hemm dehra ġdida għall-uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija li naraw fit-toroq tagħna. Qal li matul is-sena d-dieħla, se naraw għall-ewwel darba wara ħafna snin, membri tal-Korp li jkollhom uniformi ġdida. 

Huwa tkellem ukoll dwar il-kunċett tal-community policing fejn qal li s-servizz se jiġi estiż f’numru ta’ lokalitajiet oħra matul is-sena d-dieħla biex b’kollox se jkun hawn 43 lokalità madwar Malta u Għawdex li jkollhom dan is-servizz.

Huwa ma naqasx milli jsemmi l-investiment li qed isir f’taqsimiet speċjalizzati fosthom tal-vjolenza domestika, ir-Rapid Intervention Unit u l-Forensika biex in-nies jirċievu servizz aħjar minn Korp tal-Pulizija professjonali u li tassew jaqdi l-irwol tiegħu fis-soċjetà. 

Dwar id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, il-Ministru Camilleri qal li f’dan id-Dipartiment se jissokta l-investiment fil-makkinarji u l-għodda li jintużaw u f’dak kollu li jista’ jwassal biex jingħata servizz aħjar u fl-iqsar żmien possibbli. 

“10 snin ilu, l-investiment kapitali kien ikun ftit mijiet ta’ eluf. Illum l-investiment huwa ta’ €8.5 miljun għas-sena d-dieħla għal dan id-Dipartiment,” żied jgħid il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi. 

Kien hawn fejn semma l-ftehim kollettiv li sar għall-membri tal-Protezzjoni Ċivili u anke ftehimiet oħra li ġew iffirmati għall-ħaddiema tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi u l-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta. 

Rekord ta’ persuni li ġew ritornati lejn il-pajjiż tal-oriġinu tagħhom

Dwar l-immigrazzjoni rregolari huwa qal li ftit aktar minn sena ilu l-Gvern għamel politika ċara dwar l-immigrazzjoni, b’ħidma fuq tliet punti ewlenin – li jonqsu l-wasliet, ir-ritorn ta’ dawk li m’għandhomx dritt għall-ażil u li għandu jinqasam il-piż ma’ pajjiżi oħra Ewropej. 

“Flimkien mal-Prim Ministru morna l-Libja, iffirmajna ftehim u bis-saħħa tiegħu qed niġġieldu t-traffikar uman u l-mewt ta’ persuni fil-baħar Mediterran. Imxejna għar-ritorn ta’ persuni għal dawk li m’għandhomx dritt għall-ażil. 

Din is-sena għandna rekord ta’ persuni li ġew ritornati lejn il-pajjiż tal-oriġinu tagħhom u kien hemm piż li nġarr minn pajjiż oħra Ewropej. Dan kollu wassalna sabiex kellna l-inqas wasliet f’dawn l-aħħar snin ta’ immigranti rregolari,” kompla jgħid il-Ministru Carmilleri. 

“Wasal li nagħmlu l-pass li jmiss – li jingħalaq iċ-ċentru tal-Marsa. Bħalissa fl-aħħar sena naqqasna drastikament il-persuni li hemm ġo fih. Din iż-żona ser tingħata lura lill-Marsin sabiex huma wkoll igawdu minn din iż-żona.”

Intant, huwa semma wkoll kif matul din is-sena ġiet introdotta l-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità fejn qal li fl-ewwel ftit xhur mit-twaqqif tagħha diġà ġew megħjuna aktar minn 300 persuna. 

Huwa iżda qal ukoll li dan il-Gvern se jkompli jinvesti wkoll f’dik li hija rijabilitazzjoni fejn se jmorru għall-kunċett tal-electronic monitoring u anke se jkun hemm ċentru rijabilitattiv għal dawk li qed iservu s-sentenza.

Huwa tenna li s-sigurtà hi esenzjali għall-kwalità tal-ħajja tagħna. Malta hi fost l-aktar pajjiżi siguri mhux biss fl-Ewropa imma wkoll fid-dinja. L-irwol tagħna huwa li nkomplu naraw li l-pajjiż ikompli jkun aktar sigur.

“Dan il-budget se jkompli jassigura li jsir l-investiment li hemm bżonn, li naraw li jsir dak kollu li hemm bżonn biex pajjiżna jibqa’ akar sigur, biex dawn il-ħaddiema jibqa’ jkollhom ir-riżorsi kollha meħtieġa biex nassiguraw is-sigurtà ta’ kull Malti u Għawdxi li jgħix fostna,” tenna l-Ministru Camilleri.

Ekonomija

Sport