Friday, May 3, 2024

Il-Pulizija Kanadiża tfaħħar lill-Pulizija u d-Dwana ta’ Malta għall-għajnuna biex jinqabdu vetturi misruqa

Aqra wkoll

L-investigaturi tal-pulizija reġjonali ta’ York fil-Kanada kkonfermaw li qabdu 88 vettura misruqa destinati għal diversi pajjiżi, li l-valur tagħhom ilaħħaq il-5 miljun dollaru Amerikan. 

Fi stqarrija li ħarġu, l-investigaturi Kanadiżi faħħru u rringrazzjaw lill-Korp tal-Pulizija ta’ Malta u lid-Dipartiment tad-Dwana għall-għajnuna li taw biex setgħu jiġu rikoverati dawn il-vetturi misruqa.

Fil-fatt, id-Dipartiment tad-Dwana fil-ġimgħat li għaddew irnexxielu jinterċetta u jikkonfiska 24 minn dawn il-vetturi mal-wasla tagħhom fil-Freeport li kienu destinati għal Abu Dhabi.

Fl-investigazzjoni li għamlet fil-belt ta’ Toronto, il-Pulizija reġjonali ta’ York irnexxielha tkisser ċirku ta’ kriminalità organizzata u waslet biex tressaq u takkuża fil-qrati disa’ persuni b’rabta ma’ dan is-serq ta’ vetturi wħud minnhom karozzi lussużi.

Il-qabda ta’ dawn il-vetturi flimkien ma’ programmers elettroniċi li jintużaw fis-serq ta’ dawn il-vetturi tindika kemm hi kruċjali li l-pulizija u d-dipartimenti ta’ Dwana ta’ diversi pajjiżi jikkoperaw u jaħdmu flimkien, u mhux f’iżolament, sabiex tiġi kumbatta l-kriminalità organizzata internazzjonali li kulma jmur qed issir iktar sofistikata.

Sport