Saturday, December 28, 2024

Użu eċċessiv tat-teknoloġija fit-tfal qed iħasseb lill-ġenituri

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Minkejja l-iżviluppi progressivi li ġabet it-teknoloġija, ħafna ġenituri jsostnu li din l-istess teknoloġija qiegħda tkun ta’ ħsara għal uliedhom. Dan minħabba li qed jagħmlu użu eċċessiv tat-teknoloġija, l-aktar fejn tidħol il-midja soċjali.

B’riżultat ta’ dan it-tħassib inkwetanti fost il-ġenituri, Positive Parenting Malta b’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Tfal se jorganizzaw diversi sessjonijiet bil-għan li titqanqal aktar relazzjoni bejn il-ġenituri u wliedhom.

Talk.mt tkellem maċ-Ċerpersin tal-Kumitat għat-Trobbija Pożittiva Ruth Sciberras fejn spjegat li dawn id-diskussjonijiet se jkunu qed isiru biex jipparteċipaw fihom kemm it-tfal u anke l-ġenituri.

“Se nagħmlu sensiela ta’ inizjattivi għaliex meta għamilna evalwazzjoni ta’ kampanja li saret f’Novembru 2020, il-ġenituri kienu qalulna li waħda mill-affarijiet li tinkwetahom hi d-dipendenza tat-tfal fuq it-teknoloġija,” qalet Sciberras.

“Smajna x’kellhom xi jgħidu l-ġenituri u anke t-tfal. Fil-ġranet li ġejjin se nkunu qed nitkellmu fost affarijiet oħra dwar peer pressure, bullying, kif tikkomunika iżjed mat-tfal u kif tipprova tifhimhom aktar u anke kif tifforma l-karattru tagħhom.”

Dan is-sit tkellem ukoll mal-Viċi Ċerpersin tal-Kumitat għat-Trobbija Pożittiva, il-Prof. Angela Abela, li qalet li l-idea wara dawn il-laqgħat hi għaliex bħala Kumitat jemmnu li l-ġenituri u t-tfal għandhom jipparteċipaw fit-twettiq tal-istrateġija għat-Trobbija Pożittiva.

Hija tenniet li “dawn is-sessjonijiet se jkunu qed isiru biex kemm il-ġenituri u anke t-tfal jipparteċipaw u jgħidulna x’jaħsbu bi trobbija pożittiva. Dan filwaqt li nieħdu l-eżempju tat-teknoloġija biex naraw kif jistgħu jimmaniġġjaw dawn is-sitwazzjonijiet li jinqalgħu bejn it-tfal u l-ġenituri.”

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon qal li rridu dejjem inqisu lit-tfal bħala parti sostanzjali mis-soċjetà tal-lum. Sostna li t-tfal huma l-adulti ta’ għada u li aktar ma jkollok esperjenzi aktar tifforma l-karattru tiegħek.

Innota kif it-teknoloġija filwaqt li fiha t-tajjeb tagħha, tista’ tintuża wkoll mhux b’mod kif suppost. Għalhekk hemm bżonn li l-familji jsibu l-ħin għal xulxin, partikolarment fejn hemm tfal li jistgħu jiġu influwenzati mit-teknoloġija.

Għal aktar tagħrif dwar is-sessjonijiet li se jkunu qegħdin jittellgħu matul is-sena wieħed jista’ jidħol fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Positive Parenting Malta.

Ekonomija

Sport