Valletta ħatru lil Jesmond Zerafa bħala d-direttur tekniku tal-klabb.
Zerafa għandu storja kbira mal-klabb ta’ raħal twelidu kemm bħala plejer kif ukoll bħala kowċ u ż-żieda tiegħu fl-istaff tekniku tat-tim żgur li se tkun ta’ spinta kbira għall-klabb kollu f’dak li qed jirriżulta bħala staġun diffiċli bit-tim qed jiġġieled biex iżomm l-istatus tiegħu fil-Kampjonat Premier.
Zerafa gawda minn karriera ta’ suċċess bħala plejer ta’ Valletta FC u wara li rtira bħala plejer kellu żewġ stadji bħala kowċ ta’ Valletta FC.
Zerafa nħatar bħala kowċ tal-ewwel tim għall-istaġun 2010-11 u mexxa lit-tim għat-titlu tal-Kampjonat Premier.
L-eks internazzjonali Malti tneħħa mill-kariga fl-istaġun ta’ wara u kompla jmexxi klabbs oħra Maltin fosthom Qormi, Naxxar Lions, Balzan, u Gżira United fost oħrajn.
Fis-sajf tal-2020, Zerafa reġa’ ġie maħtur bħala kowċ meta ffirma kuntratt ta’ sentejn.
Iżda t-tieni esperjenza tiegħu fil-klabb damet biss ftit xhur hekk kif irriżenja f’Novembru tal-istess sena.
Hu mifhum li Zerafa se jkun qed jaħdem mill-qrib mal-kowċ tal-ewwel tim tal-klabb Enzo Potenza hekk kif qed ifittxu li jmexxu lill-klabb ‘il bogħod miż-żona tar-relegazzjoni.
Il-ġimgħa li għaddiet, Valletta komplew jiddiżappuntaw hekk kif l-ewwel tilfu kontra Mosta fir-round tal-aħħar tal-IZIBET FA Trophy u mbagħad ikkonċedew sofrew telfa ta’ 1-0 kontra r-rivali antiki Birkirkara fil-Kampjonat Premier li ħalliet lit-tim punt biss ‘il fuq miż-żona tar-relegazzjoni.