Vapur lussuż tal-passiġġieri li kien qed jagħmel vjaġġ fuq medda ta’ snin madwar id-dinja ħalla lill-passiġġieri maqbuda fil-Kambodja wara li l-operatur tiegħu, ibbażat fl-Istati Uniti, spiċċa bla flus. Il-bastiment issa ġie sekwestrat u jinsab ankrat fl-ibħra tal-port ta’ Singapore.
Il-vapur, li jġib l-isem Villa Vie Odyssey, kien salpa minn Belfast l-Irlanda ta’ Fuq f’Ottubru tal-2024 u kellu jieħu lill-passiġġieri fuq vjaġġ twil ta’ diversi snin madwar id-dinja.
200 passiġġier kellhom jitniżżlu mill-vapur ix-xahar li għadda fil-belt portwarja ta’ Sihanoukville, fil-Kambodja, wara li l-kumpanija Villa Vie Residences, sid il-bastiment, issospendiet l-operazzjonijiet għall-għarrieda, bir-raġuni ewlenija li ngħatat kienet iż-żidiet qawwija fl-ispiża tal-fjuwil.
Skont l-awtorità portwali ta’ Singapore, l-ekwipaġġ kollu abbord kien jinsab fi stat tajjeb u qed isiru arranġamenti kollha għall-benesseri tagħhom mill-kredituri tal-bastiment.
Il-bastiment ġie sekwestrat fuq ordni tal-qorti u d-ditta legali ta’ Singapore, Helmsman LLC, ġiet innominata bħala l-aġent legali responsabbli mis-sekwestru tal-bastiment, iżda mhuwiex ċar liema parti qed tirrappreżenta.
L-Odyssey kien maħsub biex jibda vjaġġ ta’ tliet snin u nofs li kien se jwasslu f’150 pajjiż.
Il-passiġġieri ngħataw l-għażla li jixtru l-kabina tagħhom – ħaġa li kienet tippermettilhom jibqgħu abbord anke wara li jintemm il-vjaġġ inizjali – u jħallsuha f’ħames snin, jew jikru kabina għal vjaġġi li jdumu diversi jiem.
Il-prezzijiet tar-residenzi permanenti fil-kabini kienu jvarjaw minn $120,000 sa $440,000. Skont is-sit elettroniku tal-kumpanija, dawn il-kabini kienu disponibbli wkoll għall-kiri, bi prezz li jibda minn $3,500 fix-xahar.
Il-gwerra fl-Iran għolliet il-prezzijiet tal-fjuwil drastikament aktar kmieni din is-sena u skont il-kumpanija Villa Vie Residences fi stqarrija fis-27 ta’ Ottubru, il-gwerra wasslet biex l-ispiża fix-xahar għall-fjuwil għal kull kabina telgħet minn $1,800 għal $8,000.
Żiedet tgħid li minkejja li ħadet passi sinifikanti biex tnaqqas il-konsum tal-fjuwil, dawn il-miżuri iżda rriżultaw li ma kinux biżżejjed biex jikkumpensaw għaż-żieda straordinarja fl-ispiza tal-fjuwil.




