Ħafna minna jassoċjaw il-vjolenza domestika ma’ ġrieħi viżibbli jew ma’ theddid. Xi drabi tibda bi pretenzjoni biex taqsam informazzjoni ta’ fejn tinsab, b’messaġġi kontinwi meta toħroġ mal-ħbieb u b’mistoqsijiet dwar ma’ min tinsab, x’int tagħmel u x’int liebsa. Din l-imġieba tista’ tiġi ppreżentata bħala idea ġenerali ta’ kif suppost jaħdmu r-relazzjonijiet. Dak li minn barra jidher bħala relazzjoni ordinarja jista’, wara bibien magħluqa, jinbidel f’post ta’ biża’, kontroll u iżolament.
Ir-riċerka enfasizzat kif strutturi soċjali u normi marbutin mal-ġeneru jistgħu jsaħħu l-aspettattivi dwar id-dominanza, il-poter u l-kontroll tal-irġiel fir-relazzjonijiet intimi. F’dan l-artiklu, se tingħata enfasi fuq nisa li jużaw il-vjolenza u l-abbuż fir-relazzjonijiet intimi tagħhom. Nisa wettqu atti ta’ vjolenza kontra persuni anzjani, tfal, mas-sieħba tagħhom f’relazzjonijiet eterosesswali u omosesswali. STOP! The Violence and Abuse Service joffri appoġġ lil persuni li, f’xi punt fir-relazzjonijiet intimi tagħhom, kienu jew għadhom vjolenti u/jew abbużivi. Dan is-servizz jagħmel parti mis-Servizzi tal-Vjolenza Domestika fi ħdan l-Aġenzija Appoġġ. STOP! The Violence and Abuse Service ilu mill-2017 jipprovdi appoġġ lil nisa li jixtiequ jindirizzaw l-imġieba abbużiva u/jew vjolenti tagħhom.
Is-sigurtà hija l-għan ewlieni li tiggwida l-prattika professjonali fil-ħidma ma’ nisa li jużaw il-vjolenza u l-abbuż fir-relazzjonijiet intimi tagħhom. L-għan tas-servizz huwa li jappoġġja lill-klijenti biex joħolqu ambjenti aktar siguri fir-relazzjonijiet mal-għeżież tagħhom. Ir-riċerka turi li meta ma tingħatax prijorità lis-sigurtà fir-relazzjonijiet intimi u familjari jista’ jpoġġi lill-vittmi fil-periklu, jagħmel ħsara lit-tfal, u jippermetti li l-imġieba abbużiva teskala. Il-ħidma man-nisa li jużaw il-vjolenza u l-abbuż tingħata fuq bażi individwali, b’valutazzjoni speċifikata li tindirizza l-intenzjoni tal-imġieba abbużiva, is-sens li l-klijenti jagħmlu minn dawn l-inċidenti u l-għarfien dwar l-impatt tal-imġieba vjolenti jew abbużiva. Jista’ jkun hemm diversi fatturi li jikkontribwixxu għall-imġieba vjolenti u abbużiva, fosthom l-użu tal-poter u l-kontroll jew inċidenti li jeskalaw sforz ta’ mġieba reattiva. Fatturi oħrajn, fosthom, l-użu ta’ sustanzi jew diffikultajiet ta’ saħħa mentali, jistgħu wkoll ikunu relevanti biex nagħmlu sens mill-imġieba ta’ persuna, għalkemm dawn il-fatturi ma jiskużawx jew jiġġustifikaw il-vjolenza jew l-abbuż.
Li titlob l-għajnuna biex tindirizza l-imġieba tiegħek stess teħtieġ saħħa u kuraġġ. Li wieħed jitlob l-għajnuna ma tneħħix mir-responsabbiltà għall-ħsara kkawżata, iżda jista’ jkun l-ewwel pass importanti lejn il-bidla u relazzjonijiet aktar siguri. Persuni nteressati jistgħu jikkuntattjaw lis-servizz fuq 22959000 jew permezz ta’ email fuq [email protected].




