Tuesday, December 24, 2024

Varata mappa ġeoloġika aġġornata tal-Gżejjer Maltin 

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol, permezz tad-Dipartiment tal-Blata Kontinentali, illum nieda l-mappa ġeoloġika aġġornata tal-Gżejjer Maltin. 

L-aħħar aġġornament tal-mappa ġeoloġika kien sar fl-1993 meta l-mappa ġiet ippubblikata fuq skala ta’ 1:25000. Il-mappa issa saret mill-ġdid fuq skala aktar dettaljata ta’ 1:10,000 mill-British Geological Survey. 

Din il-mappa l-ġdida hija bbażata fuq informazzjoni miġbura minn diversi sorsi inkluż stħarriġ estensiv fuq il-post, li sar mill-British Geological Survey. Sar proċess ta’ konsultazzjoni ma’ diversi entitajiet qabel it-tnedija tal-mappa kif ukoll konsultazzjoni mal-publiku permezz tas-sit tad-Dipartiment tal-Blata Kontinentali. 

Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana faħħar ir-riċerka li saret mid-dipartiment tal-Blata kontinentali li tippermettilna nifhmu aħjar it-territorju tal-pajjiż u minn xiex hu magħmul. Huwa stqarr li, minkejja li t-territorju jinkludi biss 316 km2 ta’ art, il-blata kontinentali hi mifruxa fuq 70,000 km2. 

Il-kobor tal-blata kontinentali jippreżenta opportunità għall-Gvern biex jespandi l-għanijiet ekonomiċi tiegħu u jinvesti fl-enerġija rinnovabbli mingħajr ma jaffettwa lil xtutna viżwalment. 

Permezz tal-iżvilupp taż-żona ekonomika esklussiva, li tinsab bejn it-12 u l-25 mil nawtiku ’l bogħod minn xtutna, jistgħu jiġu akkomodati teknoloġiji ġodda li ser jgħinu biex jiġi sostnut it-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż. 

Il-mapep aġġornati se jkunu disponibbli għall-pubbliku mingħajr ħlas fuq is-sit tad-Dipartiment tal-Blata Kontinentali. 

Ekonomija

Sport