Wednesday, April 24, 2024

Il-Festa tal-Immakulata Kunċizzjoni fl-Imqabba

Aqra wkoll

Bejn id-29 ta’ Novembru u t-8 ta’ Diċembru 2022, ġiet iċċelebrata l-Festa tat-Tnissil bla Tebgħa ta’ Marija fil-Parroċċa tal-Imqabba. Din il-Festa tiġi organizzata annwalment b’kollaborazzjoni bejn il-Fratellanza tal-Immakulata Kunċizzjoni, is-Soċjeta’ Mużikali Madonna tal-Ġilju u l-Parroċċa tal-Imqabba. Il-Festi ta’ din is-sena kienu speċjali u fakkru il-250 anniversarju mit-twaqqif tal-Fratellanza tal-Immakulata Kunċizzjoni fl-1772. Il-Festi fetħu fil-Knisja Parrokjali nhar it-Tlieta 29 ta’ Novembru bil-bidu tan-Novena Mqaddsa ta’ preparazzjoni. Matul dawn il-ġranet, ingħadet il-Kurunella tal-Kunċizzjoni, saret Quddiesa Kantata u ingħatat il-Barka Sagramentali. Il-Ħamis 1 ta’ Diċembru 2022 filgħaxija, sar il-Ħruġ min-Niċċa tal-Vara tal-Madonna tal-Ġilju u l-espożizzjoni tagħha fuq il-bradella artistika fiċ-ċentru tal-Knisja Parrokjali tal-Imqabba. Il-Festi komplew nhar l-Erbgħa 7 ta’ Diċembru bl-ikla tradizzjonali tal-Festa organizzata mill-Kummissjoni Soċjali fis-Sede tas-Soċjeta’ Mużikali Madonna tal-Ġilju.

Il-Festi laħqu l-qofol tagħhom nhar il-Ħamis 8 ta’ Diċembru, jum il-Festa. Fl-4:00pm bdiet Quddiesa Konċelebrata Solenni bis-sehem tal-orkerstra u l-vuċijiet bil-Prietka minn W.R. Monsinjur Carmelo Refalo, Arċipriet tax-Xagħra, Għawdex li kienet bis-sehem tad-diversi fergħat li jikkomponu s-Soċjeta’ Mużikali Madonna tal-Ġilju kif ukoll il-Fratellanza tal-Immakulata Kunċizzjoni. Waqt din il-Quddiesa sar il-kant tat-Te Deum bħala ringrazzjament lil Alla ta’ dawn il-Festi speċjali. Wara segwa l-ħruġ tal-Purċissjoni bil-vara artistika u devota tal-Madonna tal-Ġilju fejn ingħatat merħba kbira fuq iz-zuntier mid-devoti. Il-purċissjoni mxiet mat-toroq tal-parroċċa bis-sehem tal-fratellanzi, kleru u poplu. Ma’ tmiem il-Purċissjoni ndaqqet l-Antifona “Madonna tal-Ġilju”, saret ċelebrazzjoni ewkaristika u ingħatat il-Barka Sagramentali. Il-Festi esterni komplew b’programm strumentali mill-Banda Madonna tal-Ġilju fil-pjazza ta’ quddiem il-Każin.

L-għada l-ġimgħa 9 ta’ Diċembru, il-Fratellanza tal-Immakulata Kunċizzjoni flimkien mal-Kappillan tal-Parroċċa organizzaw Akkademja Mużiko-Letterarja, bis-sehem tal-Banda Madonna tal-Ġilju fil-Knisja Parrokjali tal-Imqabba. Din saret fl-okkażjoni tal-250 sena mit-twaqqif tal-istess Fratellanza u kienet taħt il-Patroċinju ta’ Monsinjur (Onor.) Joseph Bartolo, Kappillan Emeritus tal-Parroċċa tal-Imqabba.

L-Għaqda tal-Armar Madonna tal-Ġilju ħadet ħsieb tipprovdi armar għal din il-Festa, filwaqt li l-Għaqda tan-Nar Madonna tal-Ġilju ħarqet xogħol pirotekniku li ġab fi tmiemha l-Festa għażiża ta’ Marija Immakulata fl-Imqabba.

Sport