Mil-lum, f’Venezja se jkunu limitati l-gruppi turistiċi sa 25 persuna, f’dak li huwa tentattiv ieħor biex jitnaqqas l-impatt tal-folol fuq din il-belt.
L-awtoritajiet lokali se jipprojbixxu wkoll l-użu tal-loudspeakers minn gwidi turistiċi f’miżuri mmirati biex “jipproteġu l-paċi tar-residenti” u jiżguraw li l-persuni li jkunu mexjin ikunu jistgħu jagħmlu dan b’mod aktar ħieles.
Se jkun hemm multi li jvarjaw minn €25 sa €500 għal dawk li ma jsegwux dawn il-miżuri, li oriġinarjament kienu ppjanati li jidħlu fis-seħħ minn Ġunju iżda mbagħad ġew posposti għall-bidu ta’ Awwissu.
Dawn ir-restrizzjonijiet ikopru ċ-ċentru tal-belt kif ukoll il-gżejjer ta’ Murano, Burano u Torcello.
F’April, Venezja saret l-ewwel belt fid-dinja li introduċiet sistema ta’ ħlas għall-viżitaturi. L-iskema pilota, li ġiet segwita mill-qrib minn hotspots turistiċi Ewropej oħra, kopriet 29 jum u ntemmet f’Lulju, u fetħet it-triq għal perjodu ta’ konsultazzjoni biex jiġi deċiż kif se tipproċedi bil-proġett fil-futur.