Bejn Lulju u Settembru, l-għadd ta’ vetturi liċenzjati fit-toroq Maltin żdiedu bi 3,968 u dan meta mqabbel mal-istess perjodu fuq it-tliet xhur ta’ qabel.
Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li sa Settembru 2023, l-għadd ta’ vetturi liċenzjati kien ilaħħaq l-436,007. Minn dawn, 73.9% kienu karozzi tal-passiġġieri, 14.2% kienu vetturi kummerċjali jew agrikoli u 11.3% kienu muturi, e-bikes, e-kick scooters u quadbikes.
Il-karozzi tal-linja u l-minibuses kienu jammontaw għal inqas minn 1% tat-total. L-istatistika turi li fit-tielet kwart ta’ din is-sena, l-għadd ta’ vetturi liċenzjati żdiedu b’medja ta’ 43 karozza kuljum.
F’dan l-istess perjodu, 6,386 vettura ngħataw liċenzja ġdida. Il-maġġoranza tagħhom (3,575 jew 56% tat-total) kienu karozzi tal-passiġġieri. Warajhom kien hemm il-muturi u r-roti li jaħdmu bl-elettriku b’1,173 jew 18.4% tat-total.
Matul it-tielet kwart ta’ din is-sena, kien hemm 5,856 vettura li tneħħew mit-toroq Maltin minħabba xi restrizzjoni. Fosthom 40.5% li kienu ggaraxxjati, 34.3% kienu mibjugħa mill-ġdid filwaqt li 22.8% kienu skrappjati.
Sal-aħħar ta’ Settembru li għadda, 253,739 karozza kienu jaħdmu b’magna petrol filwaqt li l-għadd ta’ vetturi b’magna dijżil kienu jammontaw għal 156,658. Vetturi oħrajn li jaħdmu bl-elettriku jew plug-in hybrid kienu jammontaw għal 3.7% tat-total biex laħħqu l-15,960 vettura.