L-attakkant tan-Niġerja, Victor Osimhen, ġie nkurunat bħala l-Player tas-Sena tal-Assoċjazzjoni tal-Footballers Taljani (AIC) għall-wirjiet tiegħu f’Napoli fl-istaġun li għadda.
L-istilla tas-Super Eagles ġie ppreżentata bil-premju nhar it- Tnejn filgħaxija wara li għen lit-team tiegħu jirbaħ l-ewwel kampjonat tagħhom fi 33 sena.
Osimhen skorja 26 goal fis-Serie A fl-2022-23, u kiser ir-rekord ta’ George Weah bħala l-Afrikan li l-aktar skorja goals fl-ogħla livell tal-football Taljan.
L-eks attakkant ta’ Lille u Wolfsburg sar l-ewwel Afrikan li qatt rebaħ il-premju AIC, fejn ingħaqad ma’ players bħal Zlatan Ibrahimovic, Andrea Pirlo, Cristiano Ronaldo u r-rebbieħ tas-sena l-oħra, Rafael Leao, bħala r-reċipjenti tal-premju.
“Grazzi għar-rikonoxximent u l- premjijiet, grazzi lill-familja tiegħi, ħbieb u partitarji tal-voti u l-appoġġ bla tmiem tagħkom,” qal Osimhen, li kien inkluż ukoll fit-Team tas-Sena tas-Serie A, f’messaġġ li tella’ fuq X.
Osimhen intlaqat minn injury dan l-istaġun iżda l-player ta’ 24 sena skorja sitt goals f’10 logħbiet tal-kampjonat, wara li rritorna fl-azzjoni għat-team ta’ Walter Mazzari bħala sostitut fir-rebħa kontra Atalanta, fil-25 ta’ Novembru.
Bil-premju AIC wara li spiċċa fit-tmien post fil-Ballun tad-Deheb tal-irġiel fl-2023, l-attakkant se jittama li jsir l-ewwel player Niġerjan li jikseb it-trofew tal-Player tas-Sena tal-Konfederazzjoni tal-Football Afrikan (CAF) tal-irġiel mill-eks player ta’ Arsenal, Nwankwo Kanu, li għamel hekk fl-1999.
Sadanittant, kien pjaċir doppju għall-Afrika hekk kif l-internazzjonali tal-Malawi, Tabitha Chawinga, rebħet il-premju tan-nisa tal-AIC wara li spiċċat bħala l-aqwa skorer domestika fl-istaġun li għadda bi 23 goal għal Inter.
L-attakkanta ta’ 27 sena, li issa tinsab b’self ma’ Paris St-Germain, kienet l-ewwel mara Afrikana li spiċċat l-aqwa skorer fis-Serie A Femminile.
Madankollu, Chawinga ġiet injorata b’mod sorprendenti mill-CAF għall-premju tal-Player tas-Sena tan-Nisa Afrikani tant li ma daħlitx fil-lista qasira tan-nominati.
Ir-rebbieħa tal-premjijiet CAF se jitħabbru nhar it-Tnejn li ġej, 11 ta’ Diċembru, f’Marrakesh, il-Marokk.