Tuesday, May 14, 2024

Vittma ta’ prostituzzjoni kienet strumentali biex jitkisser wieħed mill-ikbar ċrieki ta’ skjavitù

Aqra wkoll

Ħames persuni qed jiskontaw piena ta’ ħabs wara li tfajla “kuraġġuża” li kienet qed tiġi sfruttata minn dawn l-istess persuni għenet lill-Pulizija Metropolitana sabiex tkisser wieħed mill-ikbar ċrieki ta’ skjavitù fl-Ingilterra. Hija rnexxielha ssalva xejn inqas minn 134 mara li kienu maqfula f’burdelli f’Londra.

Din it-tfajla (li isimha tħalla anonimu) waslet fir-Renju Unit fl-età ta’ 18-il sena. Il-ħolma tagħha kienet li jirnexxilha ssib ħajja aħjar minn dik li ħalliet warajha fil-Polonja hekk kif fiż-żmien li għexet f’art twelidha, hija ma kellhiex ħajja faċli, anzi pjuttost kellha tfulija trawmatika minħabba li bdiet tintbagħat minn orfonatrofju għall-ieħor.

Hija rrakkuntat mal-midja Ingliża Metro.co.uk kif dan il-grupp ta’ kriminalità organizzata sfurzaha biex taħdem qisha “magna” tant li xi drabi lanqas biss kienu jħalluha tmur tinħasel minħabba l-ammont ta’ klijenti li kien ikollha wieħed wara l-ieħor. Barra minn hekk, jekk tirribella kontra l-ordnijiet li jtuha kienet taqla’ swat bl-addoċċ u jħalluha tmut bil-ġuħ. Hija komplet tispjega wkoll li kienet tirċievi trattament ħażin mingħand uħud mill-klijenti — l-iktar mill-Pakistani u l-Indjani.

Hija għamlet sena u nofs tgħix f’din il-ħajja ta’ moħqrija. Jum minnhom irrifjutat li tipprovdi servizzi sesswali lil wieħed mill-klijenti u pruvat taħrab. F’mument ta’ disperazzjoni kkuntattjat lill-Pulizija u dawn min-naħa tagħhom offrewlha l-għajnuna kollha possibbli. Minn dakinhar ’l hemm hija bdiet tassisti fl-investigazzjonijiet tat-traffikar tan-nisa mill-Polonja għax-Xlokk tal-Ingilterra.

Ilbieraħ, ħames persuni ngħataw sentenza ta’ ħabs fuq każ ta’ prostituzzjoni: Michael Lozinski ta’ 52 sena weħel seba’ snin ħabs, Sebastian Zimoch ta’ 48 sena weħel tmien snin ħabs, Anna Zimoch ta’ 45 sena weħlet sentejn ħabs sospiżi u 150 siegħa xogħol volontarju, Gregaor Borowka ta’ 44 sena weħel tliet snin u disa’ xhur ħabs, u Rafal Lacki ta’ 41 sena weħel sena u nofs ħabs.

Sport