Sunday, December 22, 2024

Vivienne Westwood… Ir-reġina tal-moda kontroversjali “Punk” u “New Wave” tas-snin 70

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Kienu ħafna n-nies li esprimu sogħba u sellmu l-memorja tar-reġina tal-moda Vivienne Westwood, l-Ingliża li saret famuża għall-istil ta’ moda tagħha lura fis-snin 70 “Punk” u “New Wave”. Din il-mara revoluzzjonarja u kreattiva mietet fl-età sabiħa ta’ 81 sena u hija wkoll kienet imdawwra mill-qraba tagħha fl-aħħar mumenti ta’ ħajjitha.

Il-kollega stilista Marc Jacobs qal li jinsab “b’qalbu maqsuma” u li Vivienne “dejjem kien jirnexxielha tissorprendih u tħallih bla kliem”. Fuq Instagram huwa kiteb “għamilt l-ewwel bidliet inti. Dejjem. Għadni nitgħallem minn kliemek u mill-kreazzjonijiet straordinarju li kont toħloq”.

Is-super mudella Naomi Campbell li baqgħet imfakkra għall-inċident li fih kważi waqgħet hija u timxi f’wieħed mill-ispettakli tal-moda minn Westwood minħabba takkuna esaġerata, iddeskriviet lil din id-disinjatriċi tal-moda bħala “forza tan-natura”. Il-mudella Bella Hadid min-naħa tagħha qalet li Westwood kienet “ix-xemx” fl-industrija tal-moda u li tapprezza ħafna li kienet ħadmet magħha.

Ċajta goffa fuq TikTok li saret realtà… 

Tajjeb li wieħed isemmi li Westwood kienet waħda mill-persuni famużi li jidher li ssemmew f’ċajt goff li sar fi żmien il-festi fuq il-pjattaforma “TikTok”. F’dawn il-ġranet ta’ festi li għadhom kemm għaddew, eżattament fil-perjodu tal-Milied, xi ħadd ġietu l-idea li malajr evolviet u ġiet ikkupjata, li waqt konversazzjoni ma’ adulti taparsi jinħasdu b’aħbar qarrieqa tal-mewt tal-idoli ta’ dawk preżenti fosthom ġenituri u nanniet. Iċ-ċajta goffa inkludiet atturi u personalitajiet famużi fosthom George Clooney, Elton John u Kris Jenner. 

Minħabba li isem Vivienne Westwood kien fost dawk li taparsi mietu u l-fatt li din ftit ġranet wara, effettivament ħalliet din id-dinja, qajjem rajba u kritika ħarxa għal din it-tip ta’ ċajt mit-TikTokers. Dan apparti l-fatt li minn vidjows li rajna fir-rigward, ħafna mill-vittmi ta’ dan iċ-ċajt goff qarrieq, emmnu u ħaduha bi kbira tant li kien hemm min deher ixxokjat ferm u anke saħansitra min beka. 

Ċajta hija ċajta meta kulħadd jidħak u jieħu pjaċir. Għaldaqstant, apparti li lwieħed qatt m’għandu jiċċajta bil-mewt, għandna nkunu sensittivi u noqogħdu attenti għal dak li ninterpretaw u nesegwixxu bħala ċajt.

Ekonomija

Sport