Monday, December 9, 2024

VJOLENZA DOMESTIKA … AKTAR ENFASI FL-ISKEJJEL

Aqra wkoll

Proprju fl-aħħar jiem saret konferenza li analizzat is-sitwazzjoni tal-vjolenza domestika f’Malta. Fil-konferenza organizzata mill-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Benesseri Soċjali intitolata “Niċċelebraw 30 Sena ta’ Għajnuna lill-Vittmi ta’ Vjolenza Domestika, smajna kif il-każijiet ta’ vjolenza domestika qegħdin jiżdiedu b’aktar minn 2,000 każ irrapportati fl-2023. Issemma li s-sitwazzjoni hija agħar meta wieħed jikkonsidra r-rata ta’ kemm ma jiġux irrapportati każijiet u kemm ikun hemm vittmi li “jaħfru” lill-aggressur tagħhom fil-Qorti minħabba, probabbilment, biża’ ta’ riperkussjonijiet għall-vittma.

M’hemm ebda dubju li l-vjolenza domestika hi waħda mir-realtajiet iebsa f’pajjiżna. B’mod regolari nisimgħu b’każijiet ta’ vjolenza fejn skont l-istatistika jiġu rappurtat madwar tlett każi kuljum. Din hi realtà li ma tistax ma titħassibx biha. Ovvjament tqum id-domanda kif minkejja l-kuxjenza u l-għarfien f’pajjiżna, għad għandna dawn il-każi ta’ kuljum.

Nemmnu li forsi wieħed għandu jibda billi jħares lejn l-iskejjel tagħna. Kemm uliedna huma konxji tal-vjolenza domestika? Fuq kollox is-sistema edukattiva kemm tinforma lil uliedna dwar dan is-suġġett? Fi kliem l-għalliema fil-kurrikulu ftit li xejn tissemma’ l-vjolenza domestika. Forsi wasal iż-żmien li fl-iskejjel tagħna nagħtu aktar każ dan is-suġġett. Ma ninsewx li l-istudenti li hemm illum fl-iskejjel huma l-irġiel u n-nisa ta’ għada.

Nemmnu li fuq kollox irridu nedukaw u ngħallmu lill-vittmi biex jipproteġu lilhom infushom u ma jħalllux is-sentimenti iqarrqu bihom. Qed ngħidu dan għax smajna b’ħafna każijiet fejn nisa kienu feruti sew u ħareġ li dawn kienu ħafru għal diversi drabi lill-aggressur.

Problema kbira li għandna f’dan l-qasam hi dik tad-dewmien biex jinqatgħu l-kawżi ta’ vjolenza domestika fil-qrati. Din hi xi ħaġa li qed toħloq uġiegħ kbir fost il-vittmi.

Nemmnu li wieħed biex jitratta l-vjolenza irid jara l-kawżi. Kemm qed naraw eżattament x’qed jikkawża l-vjolenza domestika? Iż-żwieġijiet bejn Maltin u barranin b’mod partikolari dawk ma’ persuni li ġejjin minn kulturi totalment differenti, qed insegwuhom mill-qrib? Qed naraw jekk hemmx relazzjoni bejn dawn iż-żwiġijiet u l-vjolenza domestika, mingħajr ma ninsew li hemm ħafna każi ta’ vjolenza bejn koppji li tnejn huma Maltin.

Nemmnu li hu pass tajjeb ħafna l-fatt li ġie aġġornat il-protokoll mal-Pulizija, fejn issa meta mara tmur l-għassa se tintalab għajnuna professjonali u jekk jinstab li tinsab f’riskju tinħareġ protezzjoni fi żmien 12-il siegħa. Il-fatt li se jiżdiedu x-xelters hu pass ieħor, kif hu pożittv il-fatt li l-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa ma sabx x’jikkriitka fil-ħidma ta’ pajjiżna fil-qasam tal-vjolenza domestika.

Forsi wasal iż-żmien ukoll li nibdew nitkellmu ukoll fuq benefiċċji ġodda għal nisa u irġiel vittmi ta’ vjolenza domestika. F’xi pajjiżi madwar id-dinja ittieħdu diversi miżuri intiżi bl-għan li jtejbu l-ħajja ta’ dawn li jkunu qed jesperjenzaw din ir-realtà iebsa.

Xhur ilu bħala ġurnal tkellimna ma’ diversi vittmi u dawn jilmentaw mir-riġidità li hawn fuq il-postijiet tax-xogħol f’pajjiżna.

Wasal iż-żmien li forsi vittmi ta’ vjolenza domestika jingħataw ammont ta’ leave żejjed bi ħlas minn min iħaddimhom? Forsi għal min mhux fiż-żarbuna ta’ dawn n-nies din jista’ ma jifhimiex. Imma min qed iħabbat wiċċu ta’ kuljum mal-vjolenza domestika jgħidlek kemm hu diffiċli għalih li jkollu ħin disponibbli biex imur għal pariri mediċi jew anke kura mentali minħabba dak li jkun għaddej minnu. Wieħed jista’ jikkunsidra li jkun hemm ammont ta’ ġranet f’leave li parti jkunu bi ħlas u parti bla ħlas, liema ġranet jintuzaw biex huma jitrattaw il-kwistjoni tas-sigurtà tagħhom, ifittxu għajnuna medika, imorru għal servizzi ta’ appoġġ u anke biex jirrilokaw lejn residenza oħra.

Wasal iż-żmien li dawn ikollhom aktar ġranet ta’ sick leave għad-dispożizzjoni tagħhom?

Fuq kollox wieħed mill-ilmenti ta’ dawn il-vittmi hi dik tan-nuqqas ta’ flessibilità fuq il-post tax-xogħol biex jgħinuhom jiffaċċjaw din ir-realtà u biex ikollhom l-ispazju kollu neċessarju biex jagħmlu dak li hemm bżonn biex joħorġu minn dik is-sitwazzjoni. Nemmnu li hemm bżonn li niddiskutu dan.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport