Fi tmiem il-ġimgħa fil-kumpless Sportiv tal-Kottonera tkomplew id-diversi kampjonati organizzati mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Volleyball. Il-kampjonat tal-kbar tkompla wkoll bi tliet partiti. Fl-ewwel waħda li saret is-Sibt, iċ-champions Swieqi Phoenix Nium rebħu lil team ieħor mis-Super League, Birkirkara, bl-iskor ta’ 3-0. Swieqi ta’ Leonard Zammit Munro u Justin Montesin rebħu l-ewwel set 25 għal 10 u ddominaw it-tieni wieħed 25 għal 7. Huma kkonsolidaw ir-rebħa billi rebħu wkoll it-tielet set kontra t-team ta’ Dalton Caruana 25 għal 15. B’hekk iċ-champions baqgħu mhux megħluba dan l-istaġun.
Ferm bilanċjata kienet it-tieni partita fejn Flyers mis-Super League kellhom jitħabtu mhux ftit biex jirbħu lil Depiro mill-Ewwel Diviżjoni bl-iskor ta’ 3-2. Flyers rebħu l-ewwel set 25 għal 18, tilfu t-tieni 25 għal 15 u rreaġixxew billi rebħu t-tielet set 25 għal 16. Depiro ta’ Charles Gauci għamlu rimonta fir-raba’ set meta rebħuh 25 għal 23. Kellu jsir l-aħħar set deċiżiv bi Flyers joħorġu rebbieħa 15 għal 7.
It-tielet u l-aħħar logħba Seniors ta’ tmiem il-ġimgħa rat lil Paola Executive Security mill-Ewwel Diviżjoni jirbaħ lil Falcons mis-Super League 3-0. It-team Pawlist qiegħed juri progress partita wara partita. It-team ta’ Michael Magro fetaħ tajjeb u rebaħ l-ewwel set faċilment 25 għal 11. Hu kompla fuq nota pożittiva meta rebaħ it-tieni set 25 għal 15 u t-tielet 25 għal 18.
Fill-klassifika ġenerali Swieqi Phoenix Nium jinsabu fl-ewwel post meta għandhom 12 -il punt u huma segwiti minn Birkirkara b’disa’ punti. Flyers u Paola Executive Security bi tmien punti kull wieħed. Mgarr u Depiro għandhom erba’ punti kull wieħed filwaqt li Falcons u Birkirkara Reds għadhom mingħajr punt.
Senior League
Birkirkara vs Swieqi Phoenix Nium 0-3 (10-25, 7-25, 17-25)
Depiro vs Flyers 2-3 (18-25, 25-15, 16-25, 25-23, 7-15)
Falcons vs Paola Executive Security 0-3 (11-25, 17-25, 18-25)
Under 19
Flyers vs Depiro 0-3 (17-25, 20-25, 19-25)
Under 15
Flyers vs Swieqi Phoenix Sugar ‘N Spike 3-0 (25-8, 25-7, 25-13)
Falcons vs Depiro Blue 0-3 (8-25, 12-25, 11-25)
Swieqi Phoenix Young Stars vs Birkirkara 3-0 (25-21, 25-12, 25-9)
Depiro Gold vs Swieqi Phoenix Ninjas 3-2 (22-25, 25-16, 23-25, 25-11, 15-9)




