Sunday, December 22, 2024

VOLONTARJAT

Aqra wkoll

Ftit hawn stimi tajba tas-sehem tal-volontarjat fil-ħajja tas-soċjetà tagħna. Raġuni ovvja għal dan hi l-firxa wiesgħa li fuqha l-volontarjat iseħħ – minn għaqdiet ta’ appoġġ bejn individwi u familji li qed iġarrbu problemi soċjali jew mediċi simili, għal ħidmiet reliġjużi jew sportivi jew filantropiċi jew kulturali… Il-lista ma tispiċċax.

Raġuni oħra tista’ tkun li maż-żmien, il-volontarjat ma baqax kollu volontarju: instab li biex tirnexxi l-missjoni li għaliha jkun tnieda, irid ikun hemm assoċjat magħha ħidma mħallsa, anki b’pagi regolari. Inkella ma tistax titwettaq tajjeb. Il-ġbir ta’ fondi biex jiffinanzja l-ħidma tagħhom sar parti importanti mill-ħidma tal-għaqdiet volontarji. Nimmaġina li kien l-aktar biex inkopru dan l-iżvilupp li l-volontarjat waqa’ taħt il-kappa ta’ dak li beda jissejjaħ NGO – non governmental organization. Bħala enti, din – għalkemm mhijiex kumpanija privata – trid tirreġistra l-attivitajiet tagħha u tissottometti kull sena l-kontijiet ta’ ħidmietha.

Jeżisti ethos wieħed… jew spirtu u għarfien li għandhom x’jgħaqqadhom flimkien… bejn dawk li huma attivi fil-volontarjat?

STANDARDS

Qed nisma’ minn diversi nħawi kif daħlet tendenza biex bla wisq fanfari imma bħala parti mill-operat normali, jitbaxxew ċerti standards edukattivi u akkademiċi. Qed ikun hemm numru ta’ raġunijiet għal dan.

L-aktar raġuni serja (għalkemm ma naqbilx magħha) hi li jekk studenti qed jimmiraw biex jiksbu ċerti impjiegi, ma jagħmilx sens li fl-istudji tagħhom imorru għal tagħlim ogħla minn dak li se jkollhom bżonn f’dawk l-impjiegi. Filfatt, riċerka li ġiet publikata dan l-aħħar donnha uriet li hemm numru sostanzjali ta’ impjegati li għandhom kwalifiki ogħla minn dak li jeħtieġu għax-xogħol tagħhom.

Raġunijiet oħra li ngħatajt (b’mod informali) għal li qed jiġri huma: hemm bżonn li jiżdied in-numru ta’ studenti li jtemmu b’suċċess il-kors tagħhom billi jakkwistaw id-diplomi jew ċertifikati li qed jistudjaw għalihom; l-għalliema nfushom mhumiex daqstant avvanzati fl-istudji u fir-riċerka u ma jarawx għaliex studenti għandhom għalfejn ikunu differenti minnhom.

TRADIZZJONIJIET

Ċerti tradizzjonijiet intilfu għal kollox. Jista’ jkun li għax kienu marbuta mal-prattika reliġjuża u din m’għadhiex dominanti fil-ħajja ta’ kuljum. Imma ntilfu wkoll għax ġew f’kompetizzjoni ma’ ċelebrazzjonijiet u drawwiet importati minn barra.  Peress li dawn f’ħafna każi jkunu kummerċjalizzati bil-kbir, aktar ħadu s-sopravvent fuq it-tradizzjonali.

Pereżempju fl-imgħoddi l-wasla tal-ħarifa kienet iġġib magħha ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ San Martin u għal Novembru ħsibijiet dwar il-mejtin familjari – it-tnejn bir-“ritwali” tagħhom. Illum dawn iż-żewġ tradizzjonijiet tilfu mir-rankatura li kellhom. L-aktar sejħa dominanti saret ta’ Halloween li timmobilizza l-maġġoranza tal-familji. M’inix konvint li l-bidla kienet għall-aħjar.

Ekonomija

Sport