Saturday, December 21, 2024

Von der Leyen tgħid li l-vaċċin kontra l-Covid-19 irid ikun għal kulħadd

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea (KE) Ursula von der Leyen saħqet li huwa biss b’koperazzjoni bejn il-pajjiżi kollha tad-dinja li jista’ jinstab vaċċin li jsalva l-ħajjiet tan-nies.
Hija u tindirizza l-Parlament Ewropew f’dak li jissejjaħ “State of the Union” (L-Istat tal-UE), von der Leyen tkellmet dwar il-problemi li iffaċċjat, u għadha tiffaċċja, l-UE minħabba l-pandemija tal-Covid19.
von der Leyen faħħret il-mod kif il-pajjiżi tal-UE ikkoperaw ma’ xulxin u nsistiet li trid li l-UE talloka aktar fondi għall-qasam tas-saħħa waqt li saħqet li trid tibqa’ wkoll tħares l-impjiegi fejn hawnhekk faħħret il-kunċett tal-paga minima u dak tan-negozjar kollettiv għax iħarsu d-dinjità tal-ħaddiema.
Fl-istess waqt von der Leyen sostniet li l-irkupru ekonomiku għadu fil-bidu u enfasizzat li l-pajjiżi tal-UE jridu jsibu mod kif ikunu aktar effiċjenti u innovattivi.
Il-President tal-KE tkellmet ukoll dwar l-ambjent fejn saħqet li l-mira li l-pajjiżi tal-UE jnaqqsu t-tniġġiż b’40% sal-2030 issa se titla’ għal 55% u sostniet li minbarra li dan jiggarantixxi li t-tibdil fil-klima ma jkunx ta’ iktar minn 1.5 grad Celsius fis-sena se joħloq miljuni ta’ impjieg.
Dwar l-immigrazzjoni qalet li l-KE se tippreżenta strateġija fil-ġimgħa li ġejja u waqt li irrikonoxxiet li din il-kwistjoni wasslet għal firdiet bejn ċertu pajjiżi nsistiet li waqt li l-UE trid tiġġieled it-traffikanti fl-istess waqt trid li dawk l-immigranti li jkollhom dritt jgħixu u jaħdmu fil-pajjiżi membri jintegraw.
von der Leyen semmiet ukoll is-saltna tad-dritt (rule of law) u waqt li qalet li sal-aħħar tax-xahar se joħroġ rapport għamlitha ċara li mhux se taċċetta ksur fil-liġijiet tal-UE. Hawnhekk hija ikkritikat l-‘golden passports’ u qalet li l-valur Ewrpej mhux għall-bejgħ.
Il-President tal-KE tkellmet ukoll fuq il-kliem ta’ mibgħeda (hate speech), fosthom fir-rigward tal-kommunità LGBTIQ, u irrimarkat kif se jħejju strateġija biex issaħħaħ id-drittijiet tal-persuni f’din il-kommunità.

Ekonomija

Sport