Monday, December 9, 2024

VOT GĦAL BIDLA IMPORTANTI

Aqra wkoll

Miktub mill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri

Bir-raġun li l-pajjiż jinsab iffokat fuq l-isfida kbira li qed tiffaċċja d-dinja bil-Covid-19. Però, kemm jista’ jkun qed nagħmlu sforz biex riformi li għandu bżonn pajjiżna għall-ġejjieni nżommuhom għaddejjin. Dan għax meta ngħaddu minn din il-buraxka, u se ngħaddu, irridu nkunu f’pożizzjoni aħjar mil-lum biex immexxu l-pajjiż ’il quddiem. Din il-ġimgħa kienet eżempju minnhom. 

Is-seduta Parlamentari ta’ nhar l-Erbgħa li għadda, għandha tibqa’ mmarkata bħala waħda li tat it-timbru, b’vot favur, għall-bidla sinjifikanti ħafna. Dan hekk kif ġie approvat metodu l-ġdid ta’ kif għandu jinħatar Kummissarju tal-Pulizija. Il-bidliet diġà kelli ċ-ċans nispjegahom fil-Parlament u f’għadd ta’ programmi televiżivi. 

“Dan hu pass Sinjifikanti għal diversi raġunijiet”

Byron Camilleri

Illum irrid nimmarka kif dan hu pass sinjifikanti għal diversi raġunijiet. Fuq quddiem nett hemm il-fatt li dan il-Gvern qed jerħi l-poter minn idejh. Kemm il-gvern kien hawn f’pajjiżna li aġixxa b’dan il-mod biex reħa l-poter assolut minn idejh? Żgur mhux gvernijiet Nazzjonalisti ta’ oppożizzjoni li llum tippontifika ħafna, iżda meta fil-gvern qatt m’aġixxew. Il-parir ta’ entitajiet internazzjonali kien li l-Prim Ministru għandu jżomm VETO fuq il-kandidat magħżul wara proċess pubbliku u miftuħ, iżda anke dak il-poter reħa minn idejh il-Prim Ministru. 

Forsi n-nies hemm barra jistaqsu għalfejn ħadna din id-deċiżjoni. Ħadna din id-deċiżjoni għaliex nemmnu fis-saltna tad-dritt u kuljum naħdmu biex insaħħu l-istituzzjonijiet tal-pajjiż. Morna wkoll għal din it-triq għax ridna nibagħtu messaġġ ċar li fil-Korp tal-Pulizija se jkun hemm tibdil importanti bil-għan li jkun iktar effiċjenti u trasparenti. Huwa sinjal b’saħħtu li l-bidliet li hemm bżonn isiru se jsiru. Fejn hemm it-tajjeb nibnu fuqu, iżda fejn jista’ jsir aħjar ir-riformi kollha li hemm bżonn se jsiru. 

Għax aħna gvern determinat li jaf fejn irid imur u ħsieb ċar dwar il-bidliet li jrid iwettaq. 

Bidliet li ħadd ma jista’ jiċħad li huma fid-direzzjoni t-tajba u li se jagħmlu s-sitwazzjoni ta’ għada aħjar minn tal-lum.

Ekonomija

Sport